Lokali

“Intkom parti mill-bidla li għandu bżonn pajjiżna” – Bernard Grech

L-APAN b’ċelebrazzjoni f’Jum l-Anzjani

Intkom dawk li ħallejtulna pajjiż sabiħ frott l-għaraq ta’ xbinkom…għad fadlilkom ħafna x’toffru. Intkom parti wkoll mit-trasformazzjoni li għandu bżonn dan il-pajjiż, sabiex bħal Gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti li dejjem emmnu fl-anzjani…inkunu nistgħu ngħelbu l-isfidi flimkien.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif is-Sibt filgħodu, f’okkażjoni ta’ Jum l-Anzjani fid-Dar Ċentrali ġiet organizzata ċelebrazzjoni mill-Assoċjazzjoni Pensjonanti u Anzjani Nazzjonalisti, magħrufa aħjar bħala l-APAN.

Bernard Grech fakkar li d-Dimostrazzjoni Nazzjonali li se tkun qed tiġi mtellgħa għada, il-Ħadd 3 ta’ Ottubru fil-Belt Valletta, hija sejħa sabiex flimkien, anzjani inklużi, jappellaw lill-Gvern sabiex verament jara l-ħtiġijiet ta’ kull wieħed u waħda minnha..bil-għan li l-poplu jgawdi minn kwalità ta’ ħajja aħjar…li ħaqqu bi dritt.

Matul l-attività tkellem ukoll l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione fejn insista li l-anzjani ma jistgħux jibqgħu jiġu injorati minn dan il-Gvern għajr għal kliem ħelu u mossa ekwivalenti għal bżar fil-għajn. Huwa saħaq li għall-maġġoranza tal-anzjani l-akbar nefqa hija fl-ikel u l-prodotti tas-saħħa…u għalhekk fakkar li sa Frar li għadda…jiġifieri qabel il-gwerra tal-Lvant, basket tal-ikel żied fil-prezz għal €800 filwaqt li dak tas-saħħa b’aktar minn €130.

Huwa insista li mhux biss l-anzjani jridu flus fil-but…iżda sigurtà u serħan il-moħħ li jistgħu jippassiġġaw fl-irħula u l-ibliet tagħna mingħajr ma jkunu vittmi ta’ serqa jew agħar.

Dan filwaqt li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino sostna li pajjiżna huwa grat għal ħidma u valuri li nisslu f’uliedhom u ulied uliedhom. Dan filwaqt li appella lill-Gvern sabiex verament jagħti l-attenzjoni meħtieġa lill-anzjani…u mhux iħallihom fi stat ta’ degrad bħal ma qed jiġri f’San Vinċenz de Paule.

Intant preżenti għaċ-ċelebrazzjoni tal-APAN kien hemm fost oħrajn il-mara tal-eks Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi, Catherine Gonzi li rrakkontat ġrajjiet mill-passat.

Aktar kmieni d-Deputat Paula Mifsud Bonnici, f’okkażżjoni ta’ dan il-jum saħqet li l-poplu kollu ħaqqu d-dinjità li tixraqlu…partikolarment l-anzjani li għandhom bżonn l-għajnuna kollha meħtieġa. Hija spjegat li sal-2021, ċ-ċifri juru li 30% tal-anzjani Maltin u Għawdxin kienu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Għaldaqstant insistiet li dan hija saħqet li din hija sitwazzjoni ferm inkwetanti.

Dan filwaqt li fakkret li għall-Partit Nazzjonalista kulħadd għandu valur u li kulħadd ħaqqu kwalità ta’ ħajja dinjituża u mill-aħjar.