Għawdex Lokali

It-tibdil fil-ħinijiet tal-‘fast ferry’ iqajjem rabja kbira

Minn kważi 30 vjaġġ kuljum, dawn issa se jinżlu għal disgħa

Id-deċiżjonijiet li jitnaqqsu l-ħinijiet tal-ivjaġġar tal-gozo fast ferry qajmet rabja kbira fost l-istudenti u l-ħaddiema Għawdxin li ta’ kuljum ikollhom jinżlu Malta.

Dan hekk kif issa, din il-kumpanija matul il-ġurnata se tkun qed toffri biss disa’ vjaġġi… ħamsa li jitilqu mill-Imġarr u erba’ li jitilqu mill-Belt Valletta.  Bl-ewwel vjaġġ jitlaq minn Għawdex fis-sitta ta’ filgħodu, it-tieni wieħed fis-sebgħa u l-vjaġġ li jmiss imbagħad jitlaq fis-siegħa ta’ waranofsinhar. Dan ifisser li min jitlef il-vjaġġ tas-sebgħa, ikun irid jistenna sitt sigħat għall-vjaġġ li jmiss.

U l-istess problema teżisti wkoll mill-Belt Valletta hekk kif l-aħħar vjaġġ jitlaq fl-16.30. Ħin li ma tantx huwa komdu għal dawk il-ħaddiema li jaħdmu sas-sebgħa ta’ filgħaxija u dawk l-istudenti li jispiċċaw mill-iskola iktar tard.  

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex uriet id-diżappunt tagħha għall-iskeda maħruġa hekk kif din tmur kontra l-iskop oriġinal għala kien iddaħħal dan is-servizz, jiġifieri li tiżdied l-aċċessibiltà bejn Malta u Għawdex.

Is-servizz tal-fast ferry huwa essenzjali għall-Għawdxin kemm fuq livell soċjali, kif ukoll ekonomiku għax jagħti għażla lil persuni biex filwaqt li joqogħdu Għawdex, jaħdmu u jivvjaġġjaw b’mod iktar faċli bejn iż-żewġ gżejjer.

L-istqarrija tgħid li l-frekwenza u n-nuqqas ta’ perjodu ta’ avviż kif ġiet mibdula l-iskeda inaqqas il-fiduċja f’dan is-servizz.

Il-Kamra tittama li d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Kummissjoni jiġu konklużi b’mod pożittiv mill-iktar fiss possibli.

Min-naħa tagħha l-GUG ukoll esprimiet id-diżappunt tagħha għat-tibdil fil-ħin tal-iskeda hekk kif dan huwa inaċċettabbli għax fix-xhur tas-sajf, meta l-istudenti Għawdxin ma kellhomx lectures, il-vjaġġi kienu ħafna iktar frekwenti.  

Saħqu li l-fatt li dan is-servizz se jkun b’xejn xorta waħda mhux se jkun qed jiffaċilita l-ħajja tal-Għawdxin peress li xorta waħda mhemmx vjaġġi biżżejjed. Apparti dan, il-GUG tefgħet ukoll dawl fuq il-problema tal-ħinijiet ta’ tal-linja hekk kif dawn diveri drabi mhux qed iżommu mal-ħin skedat. Konsegwenza ta’ dan numru kbir ta’ studenti u ħaddiema qed jispiċċaw jaslu tard għal-lezzjonijiet. Il-GUG saħqet li b’dak kollu li qed iseħħ huwa evidenti li l-leħen tal-istudenti, ħaddiema u edukaturi Għawdxin mhux qed jasal hekk kif ma kien hemm ebda titjib f’dan ir-rigward.

U l-Assoċazzjoni tal-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta qalet li minkejja li kienu imwiegħda servizz aħjar ta’ aċċessibbiltà bejn iż-żewġ gżejjer, il-vjaġġi spiċċaw naqsu drastikament minflok żdiedu.