Lokali

L-ewwel il-konsultazzjoni pubblika, imbagħad l-abbozzi ta’ liġi quddiem il-Parlament

Liġi mingħajr konsultazzjoni pubblika hija nsult lill-ġurnalisti u l-media f’pajjiżna

L-Oppożizzjoni tingħaqad mal-edituri, ġurnalisti u mal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili inkuż it-tmexxija tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (l-IĠM) fis-sejħa tagħhom biex isseħħ konsultazzjoni pubblika effettiva qabel il-Parlament jibda jiddiskuti kwalunkwe abbozz ta’ liġi li għandu x’jaqsam mar-rwol tal-ġurnalisti u l-media f’pajjiżna. Din is-sejħa saret fuq inizjattiva tal-grupp Media Reform Initiative fid-dawl tal-fatt li ma saritx konsultazzjoni mill-kumitat maħtur mill-Gvern.

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina saħaq li huwa inaċċettabbli l-Ministru għall-Ġustizzja Jonthan Attard jipprova jgħaddi romblu minn fuq kulħadd u jressaq abbozzi ta’ liġi li mall-ewwel daqqa t’għajn jidher li fihom numru ta’ nuqqasijiet u inkonsistenzi kbar li jagħmlu s-sitwazzjoni waħda aktar ta’ inkwiet għall-media f’pajjiżna. L-abbozzi ta’ liġi li ressaq il-Gvern saru bil-moħbi u juru li l-Gvern beħsiebu jkompli jipprova joħnoq il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni.

Abbozzi ta’ liġijiet li jitfasslu fil-moħbi jista’ jkollhom għan wieħed biss: it-tnaqqis fid-drittijiet u l-libertajiet bażiċi.

F’dawn iċ-ċirkostanzi jeħtieġ li l-Gvern jifhem u japprezza li l-konsultazzjoni pubblika hija għodda essenzjali biex jitjiebu t-trasparenza fit-tmexxija tal-pajjiż, l-effettività tal-liġijiet ta’ pajjiżna u l-kontabilità ta’ min hu fdat b’responsabbilità. Il-Gvern m’għandux jadotta attitudni passiva fil-proċess ta’ konsultazzjoni iżda għandu jħeġġeġ il-parteċipazzjoni, jisma’ u jifhem lil kull min għandu interess fil-qasam tal-media f’pajjiżna u lil hinn u jkun miftuħ għal ideat u proposti ġodda.

Għalhekk l-Oppożizzjoni tinsisti li m’għandha ssir l-ebda diskussjoni jew proċedura fil-Parlament qabel ma titnieda u sseħħ konsultazzjoni pubblika u effettiva dwar is-settur tal-media f’pajjiżna.

L-Oppożizzjoni ser tkun qed tisma’ lil dawk kollha li għandhom interess fis-settur tal-media f’pajjiżna fi spirtu ta’ djalogu kostruttiv bil-għan li l-bidliet li jsiru fil-liġijiet ta’ pajjiżna jkunu ta’ sostenn u ħarsien għall-ġurnalisti u s-settur tal-media f’pajjiżna.