Futbol Sport

National Amateur League: Rebħiet għal Birżebbuġa u Mellieħa

(Ritratt: Matthias Brancaleone)

Il-Ġimgħa filgħaxija ntlagħabu żewġ logħbiet minn Grupp A tan-National Amateur League fejn fl-ewwel waħda Birżebbuġa SP għelbu lil Sta. Venera L 4-2 filwaqt li warajhom Mellieħa ukoll skorjaw erbgħa biex għelbu lil Ta. Xbiex 4-1.

Birżebbuġa SP 4-2 Sta. Venera Lightnings

Bil-partita tkun waħda bbilanċjata fl-ewwel nofs siegħa tagħha Birżebbuġa ingħataw penalty fil-25 minuta biex mill-11-il metru kien Andrely Kouessabio Makela li fetaħ l-iskor. Sta. Venera wettqu reazzjoni fit-33 minuta permezz ta’ gowl ta’ Miguel Grima, iżda għaddew biss ħames minuti sakkeb it-tim immexxi minn Paul Camilleri reġa’ mar fil-vantaġġ permezz tal-istess Andrely Kouessabio Makela li għaqqad dopjetta personali. L-ewwel taqsima ntemmet bl-iskor ta’ 2-1 favur Birżebbuġa.

Wara biss minuta mill-bidu tat-tieni taqsima Birżebbuġa reġgħu skorjaw din id-darba permezz ta’ Ryan Micallef biex Yuya Emura reġa’ daħħal lil-Lightnings fil-partita fit-53 minuta. Minkejja l-isforzi ta’ Sta. Venera fil-61 minuta wasal il-gowl li ssiġilla r-rebħa għal Birżebbuġa b’gowl ta’ Christopher Cutajar.

Referee: Joseph Scerri

Mellieħa 4-1 Ta’ Xbiex

Mellieħa kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Ta’ Xbiex 4-1. Joseph Steven Tinoco Serrano fetaħ l-iskor għall-Mellieħin fit-23 minuta biex Mellieħa daħlu jistrieħ f’vantaġġ ta’ 1-0. Reazzjoni minn Ta’ Xbiex kmieni fit-tieni taqsima fejn wara biss tliet minuta ġabu d-draw permezz ta’ Johan Grech. Ta’ Xbiex ma tantx damu jgawdu dan il-gowl hekk kif fil-51 minuta Mellieħa reġgħu marru minn fuq b’gowl li wasal minn Malcolm Vella Vidal. F’perjodu ta’ ftit minuti Mellieħa skorjaw darbtejn oħra permezz ta’ Alexander Akl fil-55 u Malcolm Vella Vidal fid-59 minuta.

Referee: Anthony Paul Vella