Lokali

Oħt Giovanni Falcone se żżur Malta għall-ħames anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Oħt l-Imħallef Giovanni Falcone li nqatel mill-mafja tletin sena ilu se tkun Malta fuq stedina ta’ Repubblika għall-attivitajiet ta’ tifkira tal-ħames anniversarju mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Maria Falcone, professur tal-liġi, hi oħt Giovanni Falcone, assassinat mill-mafja f’Capaci fit-23 ta’ Mejju 1992, maqtul flimkien ma’ martu l-maġistrat Francesca Morvillo u tlett pulizija tal-iskorta personali tiegħu, Vito Schifani, Rocco Dicillo u Antonio Montinaro. Il-ħamsa li huma nqatlu fi splużjoni fit-triq bejn l-ajruport u l-belt ta’ Palermo.

Tul dawn l-aħħar tletin sena Maria Falcone ħadmet fl-Italja u internazzjonalment biex tippromwovi kultura ta’ ġustizzja kontra l-mafja permezz ta’ attivitajiet u proġetti tal-Fondazione Falcone flimkien ma’ żgħażagħ, skejjel, u komunitajiet. Il-Fundazzjoni tippromwovi metodi ta’ tagħlim, boroż ta’ studju, konferenzi soċjali, pubblikazzjonijiet speċjalizzati u produzzjonijiet artistiċi kontemporanju.

Il-Fondazione Falcone twaqqfet fl-1992 ftit xhur wara l-qtil mafjuż ta’ Giovanni Falcone u l-kollega tiegħu fl-isforz ġudizzjarju ta’ kontra l-mafja Paolo Borsellino li wkoll kien assassinat dik is-sena. Il-Fundazzjoni hi rikonoxxuta min-Nazzjonijiet Uniti għall-kontribut soċjali u ċiviku siewi tagħha.

Il-Fondazione Falcone u Repubblika qed flimkien jospitaw seminar nhar is-Sibt 15 ta’ Ottubru 2022 fil-kampus tal-università fil-Belt Valletta biex jiddiskuti l-isfida li jkollna istituzzjonijiet pubbliċi li jaħdmu f’qafas ta’ regoli li jinkoraġġixxu imġieba tal-uffiċjali pubbliċi fejn l-integrità tagħha ma titqiegħed qatt fid-dubju. Is-seminar se jiġbor flimkien akkademiċi, ġurnalisti, u nies li jippratikaw professjojijiet rilevanti biex jiddiskutu din it-tema.

Se jkun qed jieħu sehem fis-seminar Alessandro De Lisi mill-Fondazione Falcone. Is-seminar jitmexxa minn George Vital Zammit. Il-pubbliku se jkun jista’ jsegwi permezz ta’ live stream fuq il-mezzi soċjali ta’ Repubblika.

L-għada, is-16 ta’ Ottubru, Maria Falcone se tissieħeb mal-organizzaturi fl-attivitajiet tal-ħames anniversarju mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li dak inhar jintemmu b’velja fil-Pjazza l-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta u ser tagħmel diskors matul il-velja.