Futbol Sport

Onorat il-fundatur ta’ Masters Football Mario Meli

F’serata organizzata minn Masters Football u li saret fil-każin ta’ Żurrieq Wolves fiż-Żurrieq, kien onorat il-fundatur ta’ din l-assoċjazzjoni Mario Meli.

L-eks ġurnalist sportiv Mario Meli kien il-fundatur ta’ din l-għaqda fl-2013, u kein sa ftit xhur ilu l-President tal-istess għaqda. Minħabba raġunijiet ta’ saħħa Mario Meli rriżenja mill-kariga ta’ President feujn issa l-President il-ġdid hu Mark Deguara.

F’diskors tal-okkażżjoni Mark Deguara rringrazzja lil Mario Meli tal-ħidma kollha li ta matul is-snin lill-għaqda kif ukoll irringrazzjah tal-idea u l-inizzjattiva li ħa biex titwaqqaf din l-għaqda sprtiva. Minn naħa tiegħu Mario Meli, ferm emozzjonat irringrazzja lill-President il-ġdid u lil dawk kollha li kienu preżenti għal din l-okkażżjoni.

Fis-serata minbarra rigal ta’ tifkira ppreżentat lil Mario Meli, kienu ppreżentati wkoll il-premjijiet lill-klabbs parteċipanti fil-kompetizzjonijiet tas-sena l-oħra. Minbarra rappreżentatnti tal-klabbs u ġurnalisti, kien hemm ukoll preżenti żewġ deputati tal-Partit Nazzjonalista, Robert Cutajar u Graham Bencini.

L-istaġun il-ġdid ta’ Masters Football se jiftaħ il-ġimgħa d-dieħla bil-parteċipazzjoni ta’ tmien timijiet.