Futbol

Premier League Ingliż: Draw meritat għal Brighton f’Anfield Road

Leandro Trossard skorja hat-trick għal Brighton li spiċċaw fi draw, 3-3, ma’ Liverpool f’Anfield Road. Ir-riżultat jista’ jidher xi ftit sorprendenti iżda s-Seagulls ma serqu xejn u mmarkaw bl-aħjar mod id-debutt tal-kowċ ġdid Roberto de Zerbi li ħa post l-eks-manager Graham Potter li llum qed imexxi lil Chelsea.

L-ewwel 20 minuta tal-konfront kienu kollha ta’ marka Brighton li fetħu vantaġġ doppju minn Trossard, fl-4 u s-17-il minuta u fejn Trent Alexander-Arnold kien kolpevoli fiż-żewġ azzjonijiet tal-gowls.

Madankollu, ir-reazzjoni ta’ Liverpool waslet, b’Roberto Firmino (33) inaqqas id-distakk – bil-gowl ikun ikkonvalidat mill-VAR wara li kien tħassar inizjalment għal offside.

Ir-Reds komplew jinsistu wara l-mistrieħ u Firmino kiseb parità fil-54 minuta fuq l-assist tas-sostitut Luiz Diaz.

Brighton dehru maħsuda u sabu ruħhom minn taħt għaxar minuti wara meta Adam Webster ikkommetta awtogol klassiku waqt li taħt pressjoni minn Firmino.

Intant, l-aħħar kelma f’din il-logħba kienet ta’ Trossard li fit-83 minuta sammar ġewwa fuq l-assist ta’ March għall-hat-trick prestiġjuż u biż-żewġ tims jikkuntentaw b’punt kull wieħed.

Dan ir-riżultat ifisser ukoll li Brighton baqgħu r-raba’ fil-klassifika, b’Liverpool jinsab fid-disa’ post tal-Premier Ingliż fejn għandhom 11-il punt anqas mil-liders Arsenal u meta huma lagħbu logħba anqas mill-Gunners.