Futbol Sport

Premier League Ingliż: Rebħa konvinċenti għal Arsenal fuq Spurs

Arsenal żammew il-‘leadership’ tal-klassifika tal-Premier League wara rebħa impressjonanti, 3-1, fuq Tottenham Hotspur fin-North London Derby li ntlagħab kmieni wara nofsinar fl-Emirates Stadium.

Ir-riżultat kompla jikkonferma t-titjib tat-tim immexxi minn Mikel Arteta wara l-ħarġiet diżappuntanti tal-istaġun li għadda u wara li l-Gunners fallew milli jikkwalifikaw għaċ-Champions League.

Arsenal iddominaw lill-avversarji ewlenin għal ħafna ħinijiet u huma marru meritatatment fil-vantaġġ meta Thomas Partey (20), li kien qed jirritorna fit-tim wara assenza twila, venven first-timer preċiż fis-saqaf tax-xibka minkejja t-tentattiv ta’ Hugo Lloris biex isalva.

Spurs wettqu reazzjoni u rebħu penalty qabel il-mistrieħ għall-fawl ta’ Gabriel fuq Richarlison. Inkariga ruħu Harry Kane li ma żbaljax mill-ħdax-il metru u fejn fil-pront beda jiċċelebra l-100 gowl tiegħu skurjat minn penalty barra minn daru fil-Premier League

Iżda fil-bidu tat-tieni taqsima, il-Gunners irritornaw fil-vantaġġ meta Gabriel Jesus (49) approfitta mill-iżball ta’ Lloris biex isammar ġewwa minn kważi fuq il-linja, Il-logħba kompliet għat-telgħa għal Spurs li fit-62 minuta spiċċaw jilgħabu b’għaxra bit-tkeċċija ta’ Emerson Royal wara fawl ikrah fuq Martinelli.

Minn dak il-ħin, Arsenal bdew jikkontrollaw il-logħba mingħajr wisq affann, bi Granit Xhaka (67), effettivament, jagħlaq kull diskors b’xutt fil-baxx li mill-ġdid għeleb lil Lloris għat-3-1 finali.