Matul dawn il-jiem ’il fuq minn 16,000 student u iktar minn 3,000 edukatur qed jerġgħu lura fl-iskejjel tal-Knisja għal sena skolastika ġdida.
Wara sentejn u nofs ta’ miżuri imposti minħabba l-pandemija tal-Covid, il-55 skola tal-Knisja f’Malta u f’Għawdex fetħu l-bibien tagħhom biex jilqgħu fiżikament lill-komunitajiet tagħhom.
F’messaġġ lill-istudenti u l-edukaturi kollha, l-Arċisqof Charles Scicluna ħeġġeġ sabiex ikun hemm rispett bejn kulħadd fejn l-istudenti jikbru bħala ċittadini tajbin u ta’ eżempju għall-ġid ta’ kulħadd u ta’ pajjiżna.
Fi stqarrija l-Kurja saħqet li għarfien għandu jibqa’ l-iktar għan importanti għall-proċess edukattiv – dak li jikkontribwixxu fil-formazzjoni ta’ persuni li jsibu l-milja tagħhom b’mod ħolistiku sabiex inkunu u jkunu ta’ ġid għal xulxin.
Din is-sena skolastika, flimkien mas-setturi l-oħra tal-iskejjel tal-istat u dawk indipendenti, l-iskejjel tal-Knisja ser ikunu qed jipparteċipaw fil-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-riforma nazzjonali marbuta mal-qafas tal-kisbiet mit-tagħlim.
Marbuta ma’ din ir-riforma kurrikulari hemm ukoll bidliet fil-mod ta’ kif jiġu evalwati l-abbiltajiet differenti tal-istudenti, b’kontribut dirett mill-istess għalliema tal-iskola, saħansitra b’ċertifikazzjoni uffiċjali. Dan mhux biss jagħraf u jsaħħaħ dejjem iktar il-professjonalità tal-edukaturi, iżda joffri opportunitajiet ġodda biex it-tagħlim ma jibqax dipendenti b’mod esklussiv biss fuq l-eżamijiet.
//= $special ?>