Lokali

Abela jiżżufjetta b’min fi ħsiebu jattendi għall-Protesta Nazzjonali fil-Belt Valletta

Attakk partiġġjan wieħed wara l-ieħor – waqt li jinjora għal kollox l-isfidi tal-familji Maltin u Għawdxin.

Hekk ġie deskritt id-diskors li għamel il-Mexxej tal-Labour Robert Abela il-Ħadd filgħodu.

Fil-Każin tal-Labour ta’ Raħal Ġdid, Robert Abela insista li fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tiegħu hemm il-poplu.

Madanakollu r-realtà li ċ-ċittadin qed jgħix ta’ kuljum hija mod ieħor hekk kif sondaġġ wieħed wara l-ieħor qed juru żieda qawwija fil-prezzijiet, u inkwiet relatat mal-ambjent u s-sigurtà.

Minflok, Abela għoġbu jiżżufjetta b’min kien fi ħsiebu jattendi għad-dimostrazzjoni nazzjonali fil-Belt Valletta biex jappella għal dak li ħaqqu bi dritt.

Il-Mexxej Laburista naqas milli jagħti soluzzjoni għall-għoli tal-ħajja li qed tixħet piż fuq il-ħaddiema u l-familji Maltin u Għawdxin. Huwa għal darb’oħra xeħet il-ħtija taż-żieda fil-prezzijiet fuq il-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa…meta fil-verità, skont ċifri uffiċjali…iż-żieda ilha ġejja sa minn qabel Frar 2022.

Minflok huwa għażel li jbeżżgħa b’dak li qed jiġri barra minn Malta…ironikament bil-mewġ… dejavu ta’ kliem li huwa stess kien jgħid li ħaddieħor qed jiprova jbeżża’ bihom fl-ewwel xhur tal-pandemija.

Abela sostna li pajjiżi oħra qed jispiċċaw mingħajr ikel biex jitimgħu lil uliedhom. Stqarrija li turi kemm il-Prim Ministru huwa maqtugħ mir-realtà tal-isfidi li diversi persuni f’Malta qed jgħaddu minnha…hekk kif f’pajjiżna stess l-ammont ta’ nies li qed imorru jagħmlu użu mill-FoodBanks qed jiżdiedu.

Dan filwaqt li naqas milli jagħmel referenza għall-isfidi li għandhom quddiemhom il-ħaddiema tal-linja tal-ajru nazzjonali tal-AirMalta fost in-nuqqas ta’ serħan il-moħħ u tibdil kontinwu…fejn suppost numru ta’ ħaddiema ilhom diġà xahar li ġew trasferiti mal-Gvern iżda sal-lum għadhom ma jafux meta se jiċċaqilqu b’ċertezza.

Abela ftaħar bir-riforma fil-ġurnaliżmu…waħda li għamel mingħajr konsultazzjoni..waqt li sal-lum għadu m’għamilx intervista one on one ma’ ġurnalist…jekk mhux f’ambjent ikkontrollat minn ta’ madwaru.

Il-Prim Ministru saħaq li huwa kburi bil-kabinett tiegħu fl-istess jiem li fil-Qorti qed jissemma l-possibilità li Ministru jew saħansitra Ministri huma involuti f’racket fi ħdan Transport Malta.

Għaldaqstant wara 40 minuta diskors il-poplu għadu fil-għama dwar kif se jasal sal-aħħar tax-xahar, mingħajr soluzzjoni dwar is-sigurtà fl-irħula, b’ħaddiema ma jafux x’se jiġri minn ħobżhom.