Futbol Sport

BOV Challenge League: Draw ġust bejn Swieqi u Fgura

Rapport ta’ Chris Cassar

SWIEQI U. ……………….. 1

FGURA U. ……………….. 1

Swieqi U: G. Mizzi, J.P. Morales, K. Muscat, G. Martins Leite, J. Scerri, N. Pisani, K. Xuereb, J. Castano, M. Micallef, M. Del Negro, J. Cassar.

Fgura U: J. Azzopardi, L. Pisani, D. Caruana, T. Grech, J. Micallef, M. Brincat, J. Stensen, J. Vella, J. Cassar, A. Da Silva Arruda, J. Bone.

Referee: Ishmael Barbara

Draw ta’ 1-1 bejn Swieqi United u Fgura United, logħba li tista’ tgħid li kienet b’żewġ uċuħ, fejn Swieqi kienu deċiżament l-aħjar tim fl-ewwel taqsima, iżda fit-tieni parti tal-logħba Fgura kellhom ritorn qawwi u meritatament kisbu d-draw u anki setgħu kisbu wkoll it-tliet punti.

Swieqi kellhom bidu tajjeb b’diversi tentattivi lejn il-lasta, bl-ikbar periklu wara għaxar minuti meta x-xutt ta’ Castano għadda jħakkek ma’ sieq il-lasta. Wara dan il-bidu tajjeb il-logħba saret xi ftit iktar bilanċjata iżda Fgura ftit li xejn kellhom ċansijiet ta’ skor.

Swieqi baqgħu dejjem juru l-aħjar ideat u fis-36 minuta fetħu l-iskor meta minn kross mil-lemin ta’ Jamie Scerri kien Johan Castano li b’daqqa ta’ ras mill-viċin sab ix-xibka.

Fgura ħarġu fuq l-attakk fit-tieni taqsima u l-goalkeeper ta’ Swieqi Mizzi wettaq save mill-aqwa fuq xutt ta’ Brincat. Fis-56 minuta l-isforzi ta’ Fgura kienu ppremjati meta minn azzjoni ta’ korner, Jake Stenson kien kompletament liberu fuq it-tieni lasta u b’daqqa ta’ ras għeleb lil Mizzi.

Fgura komplew jinsistu u fit-68 minuta kienu sfortunati meta minn azzjoni ta’ Ewerton, kien Da Silva Arruda li bit-takkuna laqat sieq il-lasta. Fgura komplew jinsistu u ftit wara f’azzjoni konfuża l-ballun reġa’ mar ftit barra.