Futbol Sport

BOV Challenge League: Il-ħames rebħa konsekuttiva għall-Wanderers

Rapport ta’ Chris Cassar

MQABBA …………………… 1

SLIEMA W. ………………… 2

Mqabba: G. Mifsud, I. Zammit, J. Davies, O. Khatib, M. Xuereb, R. Melo Costa, G. Barone, P. Kanzurov, A. Cilia Mumford, T. Fenech, L. Dos Santos

Sliema W: R. Al Tumi, L.A. Muscat, M. D’Alessandro, G. Aquilina, M. Scerri, J.C. Cloth Goncalves, E. Agius, N. Frendo, H. Freire Bernardo, M. Beerman, T. Groothusen.

Referee: Matthew De Gabriele

Sliema Wanderers għelbu lil Mqabba 2-1 biex kisbu l-ħames rebħa konsekuttiva u żammew l-ewwel post tal-klassifika. Ir-rebħa Slimiża kienet waħda meritata kontra tim ta’ Mqabba li minkejja li ta forsi waħda mill-aħjar wirjiet tiegħu f’dan l-istaġun xorta waħda ħareġ fuq in-naħa teliefa u issa s-sitwazzjoni ta’ Mqabba qed isir waħda iktar diffiċli.

Minkejja s-superjorita teknika tal-Wanderers u minkejja li għal diversi ħinijiet kellhom il-pussess tal-ballun, it-tim ta’ Paul Zammit ma rnexxielhux jagħlaq il-logħba u fl-aħħar sekondi kienet il-lasta li salvat il-Wanderers minn sorpriża.

Bidu tajjeb ta’ Sliema li wara disa’ minuti ngħataw penalty għl ħarġa goffa tal-goalkeeper fuq Muscat u mill-11-il metru kien Cloth Goncalves li skorja b’xutt fil-baxx. Ma kienx hem reazzjoni minn naħa ta’ Mqabba li kellhom xi tentattivi minn barra l-kaxxa li fallew il-mira.

Fit-52 minuta d-difiża ta’ Sliema nqabdet fuq sieq waħda u Melo Costa avanza u għeleb lil Al Tumi b’xutt fil-baxx. Iżda żewġ minuti wara Sliema skorjaw dak li kelu jkun il-gowl rebbieħ meta Cloth Goncalves daħal tajjeb fil-kaxxa u qassam lura lejn Mark Scerri li b’xutt preċiż minn tarf il-kaxxa għeleb lil Mifsud.

Sliema fallew diversi ċansijiet ta’ skor biex jagħlqu l-logħba iżda Mqabba qatta ma qatgħu qalbhom u kienu wkoll sfortunati meta fid-89 minuta minn azzjoni ta’ korner id-daqa ta’ ras ta’ Melo Costa stampat mal-mimduda.