Lokali

“Dan hu Gvern li għalik m’hemmx biżżejjed imma għal tal-qalba hemm iżżejjed” – Bernard Grech

“Irridu nkomplu b’din il-pressjoni fuq il-Gvern .. fil-jiem li gejjin se nkomplu niehdu l-azzjonijiet.”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif il-Ħadd waranofsinhar indirizza Protesta Nazzjonali kontra s-Serqa tal-Kwalità ta’ Ħajjitna fil-Belt Valletta fejn insista li kwalità tal-ħajja ma tfissirx biss flus – iżda ambjent, saħħa, sigurtà ġustizzja…iżda l-aktar importanti..libertà.

“Aħna rridu li din is-serqa tieqaf. Ma nistgħux nibgħu nippermettu li l-kwalitá ta’ ħajtek tibqa’ tkun mittiefsa. Bdejn bl-azzjonijiet… u mhux se nieqfu.

Bernard Grech saħaq li f’dawn is-snin taħt Gvern tal-Labour Malta spiċċat tħammġet, kriehet u mibjugħa għat-tixħim. Huwa insista li Malta spiċċat tgerrex ‘il barra liż-żgħażagħ li qed ifittxu futur ‘il bogħod minn xtutna.

Ħadd ma jista’ jiċħad li f’dawn l-aħħar disa’ snin u nofs il-Labour lil Malta ħammiġha, kerraħha u biegħha. Il-Gvern Laburista b’hekk seraq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin biex l-ogħla nies fil-Labour u sħabhom jieħdu kollox huma.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li tant drajna nisimgħu bil-korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-Gvern…li l-poplu spiċċa jeħodha sorpriża meta ma jinkixifx xi skandlu għaliex il-Labour sfortunatament spiċċa nnormalizza t-tixħim…bl-aħħar waħda jkun l-allegata korruzzjoni fil-proġett tal-flyovers tal-Marsa.

“Il-Malti jgħid li min jagħmel qoffa jagħmel qartalla. Il-Partit Laburista tant kien diġà maħmuġ bil-kbir sa minn qabel ma’ tela’ fil-gvern fl-2013, li llum kull kuntratt li jagħti hu suspett, għax min jagħmel qartalla żgur jagħmel qoffa.”

Bernard Grech spjega li pajjiżna jinsab iħabbat wiċċu ma għoli tal-ħajja rekord li ilna ma naraw bħalu aktar minn 40 sena. Dan filwaqt li b’rabta mar-riformi fil-ġurnaliżmu, huwa ddeskriva l-emendi bħala sarima ma’ ħalq il-ġurnalist filwaqt li insista li Partit Nazzjonalista jrid li l-ġurnalist ikollu dritt li jfittex, lil min ikun min ikun fil-Gvern, jekk dan jonqos li jagħti l-informazzjoni li hija ta’ interess pubbliku.

Dan filwaqt li ddeskriva l-qerda ambjentali ta’ pajjiżna bħala sinjar kbir ta’ Gvern tal-Labour u insista li aghar minn hekk b’rabta mal-immigrazzjoni Robert Abela m’ghandu ebda pjan.

Intant, b’rabta mal-iskandlu tal-Bank Pilatus, Bernard Grech tenna li l-Avukat Ġenerali għandha tirriżenja minnufih hekk kif insista li aktar ma ddum ma tieħu dan il-pass aktar tkompli ssir ħsara lill-istituzzjoni tal-Avukat Ġenerali u lill-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

“Irridu nkomplu b’din il-pressjoni fuq il-Gvern… fil-ġranet li ġejjin se nkomplu nieħdu l-azzjonijiet.Għaliex dan hu l-gvern tal-ftit. Dan hu gvern li ħa ħsieb lil ftit tal-qalba. Dan hu gvern li mhux jiddejjaq jaġevola lill-ftit.Għaliex Dan hu gvern li għalik m’hemmx biżżejjed imma għal tal-Qalba hemm iżżejjed.