Internazzjonali

Il-Korea: Aktar provi tal-missili mir-reġim komunista

Il-President tal-Korea t’Isfel, Yoon Suk-Yeol, ikkundanna l-aħħar provi militari tal-Korea ta’ Fuq – u wara li l-Istat komunista spara żewġ missili ballistiċi għal fuq id-distanzi qosra u li spiċċaw f’zona ta’ baħar bejn il-penisola Koreana u l-Ġappun.

Il-prova tal-missili kienet ir-raba’ waħda f’ġimgħa mill-Korea ta’ Fuq u meta l-Korea t’Isfel, il-Ġappun u l-Istati Uniti qed isegwu s-sitwazzjoni b’attenzjoni kbira.

Ingħad li l-missili x’aktarx li kellhom il-kapaċità biex iġorru l-materjal nukleari u li dawn kienu ta’ mudell simili għall-missila ‘Iskander’ tar-Russja.

Sadanittant, qed tkompli t-tellieqa għall-armamenti bejn il-Korea t’Isfel u l-Korea ta’ Fuq, fost spinta kbira fl-infiq fuq l-Armati rispettivi.

L-aħħar provi tal-missili mill-Korea komunista qed jitqiesu bħala reazzjoni u ‘messaġġ’ għall-aħħar eżerċizzji navali bejn il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti u li saru wkoll bis-sehem tal-Ġappun.