Lokali

Investigata allegata korruzzjoni b’rabta mal-flyovers

Il-proġett tal-flyovers tal-Marsa spiċċa taħt il-lenti tal-investigaturi Ewropej wara evidenza li seta’ kien hemm il-possibilità ta’ korruzzjoni fil-kuntratt ta’ €40 miljun.

Dan ġie żvelat mill-ġurnal The Sunday Times of Malta fejn ġie spjegat li prosekturi mill-Unjoni Ewropea kontra l-ħasil ta’ flus qed jinvestigaw possibilità ta’ korruzzjoni f’dan il-proġett li kien parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea….u li ilu taħt il-lenti sa minn meta ġie kkonfiskat l-mobile ta’ Yorgen Fenech meta ġie arrestat lura f’Novembru tal-2019.

Data miksuba mill-mobile ta’ Fenech tiżvela li l-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia serva ta’ middleman fil-proġett tal-flyovers tal-Marsa….hekk kif kien mwiegħed €2 miljun ….li nofshom kienu ppjanati li jgħaddu fil-kumpanija sigrieta 17 Black – l-istess kumpanija li skont dak żvelat mill-Panama Papers kienet se tintuża biex jgħaddu pagamenti għand Keith Schembri u l-eks Deputat Mexxej Laburista…Konrad Mizzi.

Kollox imur lura għall-2018, meta kuntrattur Tork, Ayhanlar, rebaħ it-tender sabiex jibni il-flyovers. U minkejja li din kienet l-irħas offerta, il-kuntrattur barrani kien mifni bi kriżi finanzjarja.

Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija spjegaw li f’dawn it-3 snin kemm ilu miftuħ il-każ b’rabta ma’ Yorgen Fenech spjegaw li l-investigaturi għamlu ftit li xejn, minkejja s-suspetti kollha li r-rabta ta’ Fenech mal-kuriduri ta’ Kastilja setgħet kienet dik li waslet biex Ayhanlar rebaħ il-kuntratt.

Chats f’idejn l-investigaturi juru kif wara li l-kuntratt għadda minn idejn Ayhanlar għal għand Tork ieħor… il-biljunarju Robert Yildirim…. juru kif dan tal-aħħar irrifjuta li jħallas iż-€2miljuni lil Fenech, wara li Ayhanlar naqas milli jagħti riżultati fil-proġett.

Skont it-Times, f’mument minnhom, dan il-każ ingħalaq…u ftit wara reġa’ infetaħ.

Apparti minn hekk, l-istess ġurnal qed jgħid li l-Pulizija Maltija s’issa rrifjutat li tgħaddilhom evidenza b’rabta mal-każ.

It-Times saqsiet lill-Korp għaliex mhux qed jikkopera mal-prosekuturi…bil-kelliema jirrifjutaw li jwieġbu dwar din l-investigazzjoni. Dan filwaqt li l-Avukati ta’ Yorgen Fenech ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.