Lokali

“Is-serqa tal-kwalità tal-ħajja qed taffettwa lil kulħadd”

Ejja ningħaqdu flimkien u nsemmgħu leħinna għax kulħadd għandu dritt li jgħix kwalità ta’ ħajja aħjar. Kien dan il-messġġ komuni li waslu l-erba’ kelliema li indirizzaw il-protesta nazzjonali li saret fil-Belt Valletta.

Iż-żagħżugħa Jade England qalet li ma’ kull jum li qed jgħaddi qed tħoss li t-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela qed tisraq il-futur tagħha u ta’ sħabha. Hija għamlet referenza għal studji li saru li wrew biċ-ċar li ż-żgħażagħ ma jħossuhomx komdi f’pajjiżhom stess… hekk kif issa l-problema tal-għoli tal-ħajja qed tħalli wkoll l-impatt tagħha fuqhom u fuq bosta familji u pensjonanti.

Jade England tenniet ukoll ir-rabja tagħha għall-fatt li l-Gvern  naqqas il-fondi għall-Universita… turija ċara ta’ kemm Robert Abela jrid iċaħħad liż-żgħażagħ milli jkomplu jimirħu u javvanzaw.

Min-naħa tiegħu ż-żagħżugħ Kevin Curmi qal li kull wieħed u waħda minnha ta’ kuljum qed jaqdi dmiru lejn pajjizna sabiex ikun hemm futur sabiħ ghal pajjizna. Iżda ħaddieħor irid jibni futur differenti… futur ta’ qerda ambjentali, ta’ faqar, ta’ biza u firda.

Huwa qal li Għawdex ukoll qed jintlaqat ħażin mid-diżastru ambjentali, mill-bejgħ tal-Isptar kif ukoll minn tibdil bl-iskeda tal-Gozo Fast Ferry u l-pjan tal-Gvern li l-kumpanija tal-Gozo Channel tigi privatizzata.

Huwa qal li quddiem sitwazzjoni fejn għandna Prim Ministru li qed qed iberbaq flus il-Gvern, issa wasal il-mument li ma nħallux lil ħaddieħor ibeżżgħana u nsemmgħu leħinna.

Mary Muscat tkellmet dwar il-kwalita tal-ħajja ambjentali fejn fost l-oħrajn semmiet numru ta’ wegħdiet li saru mill-Partit Laburista li s’sissa ma twettqux. Fost dawn kien hemm il-wegħda li titwaqqaf Qorti tal-Ambjent…Qorti li kellha titwaqqaf anke skont l-obbligi internazzjonali li għandna Malta fit-tibdil fil-klima.

Wegħda oħra kienet li hi ħdan l-ERA jitwaqqaf Dipartiment li jkollu s-saħħa li jinvestiga u jipprosekwixxi reati relatati mal-ambjent.

Mary Muscat qalet li mhux talli ma sar xejn minn dan kollu talli komplew jitnaqru l-poteri tal-kunsilli lokali fl-infurzar ambjentali.

Fid-diskors tiegħu Joe Zahra qal li s-serqa tal-kwalita tal-ħajja qed tolqot lil kulħadd fosthom lill-anzjani hekk kif qed isibuha diffiċli ferm biex ilaħħqu mal-ispejjeż u max-xiri ta’ prodotti bażiċi.

Apparti dan huwa tkellem dwar l-abbuż li qed isir fuq l-anzjani li f’dawn l-aħħar snin qiegħed kulma jmur dejjem jiżdied.. b’bosta anzjani mhux qed iħossuhom siguri f’darhom stess. B’Joe Zahra jistaqsi x’qed jagħmel il-Gvern quddiem dawn il-problemi kollha li qed jolqtu lill-anzjani.