Internazzjonali

Kuba: Protesti fost id-dlam b’effett tal-Uragan Ian

People protest asking for the restoration of the electrical service that collapsed last Tuesday due to the devastation of Hurricane Ian in Bacuranao, Cuba, Friday, Sept. 30, 2022. (AP Photo/Ramon Espinosa)

Ir-residenti f’Havana qed jieħdu sehem fi protesti rari wara li l-Uragan Ian – fost l-akbar uragani li qatt laqat ir-reġjun – litteralment ‘elimina’ il-provvista tad-dawl għall-Kubani kollha.

Sal-aħħar sigħat, id-dawl kien irritorna biss għal ftit inħawi tal-kapitali, bir-residenti joħorġu fit-toroq mudlama biex jesprimu għadab għall-Gvern u l-mod kif qed jirreaġġixxi għall-kriżi.

Ħafna mill-ibliet ‘il hinn minn Havana għadhom mingħajr dawl waqt li l-iskwadri għall-emerġenzi kienu qed jippruvaw isewwu l-infrastruttura relatata li ġarrbet il-ħsarat kbar fost l-elementi ta’ ‘Ian’.

Kien hemm ħinijiet fejn il-gżira ta’ Kuba spiċċat kompletament mingħajr provvista tad-dawl b’kaġun tal-uragan – bl-impatt tiegħu jinħass b’mod partikulari fl-irziezet ewlenin li jipproduċu t-tabakk. Din hi anki l-ewwel darba fl-istorja li d-dawl inqata’ għall-pajjiż sħiħ u meta r-residenti qed jiffaċċjaw kundizzjonijiet mill-aktar diffiċli.

L-aħħar rapporti qalu, sadanittant, li l-Ministeru għall-Enerġija rristawra l-enerġija għal numru żgħir ħafna ta’ reġjuni filwaqt li attiva żewġ faċilitajiet tad-dawl f’Felton u Nuevitas.

Madankollu, komplew il-protesti tan-nies anki waqt li l-uragan kien qed javvanza aktar ‘il hinn minn Kuba. Dan waqt li l-filmati fuq il-media soċjali wrew l-arbli tad-dawl imqaċċtin minn mal-art u network ta’ toroq infarrkin  f’Pinar del Rio, Artemisa u Mayabeque.