Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea: Imħeġġa reazzjoni komuni għall-prezzijiet tal-gass

Giorgia Meloni, li qed tħejji biex tieħu r-riedni bħala l-Prim Ministru ġdid tal-Italja, flimkien mal-Prim Ministru Taljan ta’ qabilha Mario Draghi, sejħu biex l-Unjoni Ewropea taddotta politika u ‘reazzjoni’ komuni fil-konfront tal-prezzijiet tal-gass li sparaw ‘il fuq għall-Ewropej kollha.

Dan qabel il-Kunsill Ewropew għall-Enerġija jiltaqa’ għal summit straordinarju matul il-jiem li ġejjin.

L-appelli qed jingħataw wara li l-Ġermanja qalet li se tissellef mal-200 biljun ewro biex ittaffi l-impatt tal-‘prezzijiet bomba’ tal-enerġija…Prezzijiet li huma konsegwenza tal-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja.

Intant, l-aħbar minn Berlin qajjmet l-ansjetà li l-Ġermanja qed taddotta politika unilaterali f’din is-sitwazzjoni aktar milli taġixxi bħala parti minn ‘kollettiv’ ta’ pajjiżi Ewropej,

Filwaqt li l-Italja hi fost 15-il pajjiż tal-UE li qed isejħu għal limitazzjoni fissa fuq il-prezz tal-gass, il-Ġermanja hi waħda mill-pajjiżi li ma jridux li dan iseħħ minħabba l-inkwiet li pass bħal dan iwassal għan-nuqqasijiet fil-provvista.

Min-naħa tagħha, Giorga Meloni – li l-partit tagħha, Fratelli d’Italia, rebaħ l-elezzjoni tax-xahar li għadda – enfasizzat il-ħtieġa li l-UE tirreaġġixxi b’mod immedjat biex tipproteġi lill-familji u l-kumpanniji. Fl-istess ħin, hi Draghi mill-ġdid enfasizzaw li l-ebda pajjiż-membru tal-Unjoni ma jista’ jaġixxi għal rasu meta l-Ewropa kollha tinsab fix-xifer ta’ kriżi tal-enerġija.