Internazzjonali

L-Indoneżja: Viċin il-200 mejtin f’rassa waqt logħba tal-futbol….Il-poplu qed josserva luttu nazzjonali

Il-poplu tal-Indoneżja jinsab imbikkem wara li mietu qrib il-200 persuna waqt rassa, ftit wara li huma kienu qed isegwu logħba tal-futbol fl-istadium ta’ Kanjuruhan, f’Malang, f’East Java. Mifhum ukoll li l-vittmi kienu jinkludu numru żgħir ta’ tfal.

Din bla dubju hi waħda mill-akbar traġedji relatati mal-futbol li qatt rat id-dinja, bl-awtoritajiet jikkonfermaw talanqas 200 oħra midruba fl-inċident li seħħ wara li t-tim Arema FC, li kien qed jilgħab f’daru, tilef kontra r-rivali eterni tiegħu, Persebaya Surabaya.

Is-stadium kien ippakkjat bin-nies u r-rassa nqalgħet ladarba l-pulizija sparaw il-gass tad-dmugħ għal fuq mijiet ta’ partitarji li kienu niżlu fil-grawnd.

Is-sitwazzjoni ġġenerat paniku kbir fost in-nies, b’eluf jitilqu b’salt wieħed lejn l-‘exits’ tal-istadium u bir-riżultat li għexieren mietu fgati jew mgħaffġin taħt is-saqajn.

L-Assoċjazzjoni tal-FIFA li tamministra l-futbol madwar id-dinja tisħaq biċ-ċar li l-pulizija u s-stewards ma mgħandhom qatt jużaw il-gass ‘għall-kontroll tal-folol’. Madankollu, il-pulizija fil-kumpless ta’ Kanjuruhan sparaw diversi drabi ‘u kontinwament’ il-gass tad-dmugħ meta kienet qed tinħass ċara t-tensjoni fost il-partitarji.

Il-President tal-FIFA, Gianni Infantino qal li dan kien jum iswed ħafna għal kulmin hu involut fil-futbol filwaqt li fisser it-traġedja bħala ‘xi ħaġa li ma titwemminx’.

Dan meta mistenni li l-Indoneżja tosserva jiem ta’ luttu wara t-traġedja, bl-awtoritajiet qed iħejju investigazzjoni bir-reqqa biex jiddeterminaw in-nies responsabbli miċ-ċirkustanzi tal-waħx li rriżultaw fl-għexieren tal-mejtin.

Intant, il-President tal-Indoneżja, Joko Widodo, ħareġ direttivi biex jieqaf il-logħob kollu tal-ogħla league tal-futbol fil-pajjiż sakemm titlesta l-investigazzjoni.

Dan meta Nico Afinta, il-kap tal-pulizija ta’ East Java, qal li l-pulizija kienu kostretti li jieħdu azzjoni wara li spiċċaw attakkati mill-gruppi tal-partitarji li anki kienu qed jivvandalizzaw il-karozzi fuq barra. Afinta qal li talanqas 3,000 partitarju kienu qabżu fil-grawnd u li hemm talanqas żewġ uffiċjali tal-pulizija fost il-mejtin.