F’konfront bejn in-neo promossi Żebbuġ u Marsaxlokk, kienu x-Xlukkajri li ħadu tliet punti hekk kif ħarġu rebbieħa 3-0 f’partita li kienu aħjar mill-avversarji għal-maġġoranza tal-ħin.
It-tim immexxi minn Pablo Doffo fetaħ l-iskor fit-12-il minuta meta x-xutt ta’ Santiago Ferraris ġabat ma’ difensur ta’ Żebbuġ u baqa’ dieħel fix-xibka.Marsaxlokk għamluhom tnejn fit-42 mnuta b’daqqa ta’ ras ta’ Thiago Andan Fonseca bil-ballun ikun mgħejjun mill-wieqfa qabel spiċċa wara Jamie Azzopardi.
Bl-azzjonijiet ikunu limitati u b’Marsaxlokk jikkontrollaw tajjeb il-partita fit-tieni taqsima, kienu dawn tal-aħħar li reġgħu sabu x-xibka fl-74 minuta meta l-ewwel konklużjoni ta’ Ayrton Azzopardi tkun milqugħa minn Jamie Azzoppardi iżda l-ballun waqa’ f’saqajn l-eks attakkant ta’ Floriana Kristian Keqi li mill-viċin skorja dak li ssiġilla l-ewwel rebħa tal-istaġun għal Marsaxlokk.