Lokali

Bżonn ta’ reviżjoni tal-liġi tal-work life balance

Hemm bżonn li tiġi riveduta l-liġi dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Dan intqal waqt il-konferenza li saret quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta mill-Moviment Graffiti.

Din il-liġi li kienet daħlet fis-seħħ f’Awwissu li għadda permezz ta’ ħidma li saret mill-MEP Nazzjonalista David Casa, liġi sabiex ikun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u carers u tinkoraġixxi lill-irġiel u n-nisa jaqsmu r-responsabbilitajiet tat-trobbija tat-tfal b’mod aktar ugwali u żżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.

Graffitti jisħaq li l-liġi ġiet implimentata mill-Gvern mingħajr konsultazzjoni hekk kif il-miżuri li daħħal kienu minimi u dgħajfa immens. Dan seħħ sabiex Malta xorta tidher konforma mad-direttiva.

Moviment Graffiti qed jitolbu li titjieb din il-liġi billi jkun hemm konsultazzjoni mas-soċjeta’ ċivili u esperti rilevanti f’ħames oqsma differenti.

Il-liġi li hemm fis-seħħ bħalissa ma tħeġġiġx tqassim ġust tar-responsabbilitajiet ta’ ħarsien bejn il-ġenituri jew fost il-membri tal-familja.

Huma saħqu li l-Gvern irid iżomm f’moħħu li l-kwalita’ tal-ħajja tal-ħaddiema u tal-carers hija mhedda meta r-responsabbilitajiet tagħhom ma jħallulhomx ħin għall-ħajja personali.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm membri minn Aditus, Malta Women’s Lobby, Maltese Daddy Father’s Lobby, MGRM, National Parents Society of Persons with Disability u Women’s Right Foundation.