Lokali Parlament

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili m’għandux jinġieb fl-istess sitwazzjoni tal-Pulizija u l-AFM

– Joe Giglio, PN

Id-deputat Nazzjonalista Joe Giglio appella biex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma jinġiebx fl-istess sitwazzjoni difiċili bħal ma nġiebu l-Korp tal-Pulizija u l-Forzi Armati Maltin.

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Joe Gilgio qal li fil-pajjiż hawn realtà ġdida fejn f’ħafna attivitajiet soċjali qed ikun hemm ħruq ta’ logħob tan-nar. Dwar din is-sitwazzjoni kien hemm divesi anomaliji u hu tajjeb li qed issir regolamentazzjoni li tirrispetta s-sitwazzjoni preżenti. Issa l-gvern jidher li fehem il-ħtieġa li jindirizza din is-sitwazzjoni minħabba li s-sitwazzjoni kienet waħda li fiha min jaħraq in-nar seta’ jeħel multa ta’ mhux inqas minn €15,000 u anki piena ta’ ħabs f’każi fejn issir xi ħsara.

Il-gvern qed jipprovdi li fejn ikun hemm dan il-ħruq ta’ nar bla ma jikkaġuna ebda ħsara, il-multa proposta tkun ta’ mhux iktar minn €350. Qabel, kull min kien jinstab ħati, il-qrati ma kellhomx il-fakulta li japplikaw l-Att dwar il-Probation jew is-sentenza sospiża.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-liġi tati rikonoxximent lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u issa se jiddaħħal fil-Kostituzzjoni Maltija. Dan hu pożittiv u tajjeb, sostna d-deputat Nazzjonalista iżda hu tajjeb ukoll li dan id-dipartiment ma jkunx fl-istes pożizzjoni li jinsabu fiha l-Forzi Armati u l-Korp tal-Pulizija li għaddejjin minn perjodu diffiċli.

Joe Giglio kompla li d-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili issa se jissejjaħ Direttur Ġenerali. Dan se jkollu l-fakulta li jappunta diretturi oħra fi ħdan l-istess dipartiment. Kien ikun għaqli kienu l-Ministru tal-Intern kien jispeċifika liema huma dan id-direttorati oħra li jinħolqu biex it-tibdila fl-istruttura tkun ċara.