Internazzjonali

Il-Brażil: Bolsonaro u Lula da Silva iridu jikkuntestaw it-tieni rawnd ta’ elezzjoni missielta

Luiz Inacio Lula da Silva, Jair Bolsonaro.AFP via Getty Images

L-elezzjoni għat-tmexxija tal-Brazil se tkun deċiża b’tieni rawnd tal-votazzjoni li jsir lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar. Dan wara li Luiz Inacio Lula da Silva u l-President Brażiljan attwali Jair Bolsonaro kisbu l-akbar numru ta’ voti – iżda inqas mill-50 fil-mija meħtieġa — fl-ewwel fażi tal-proċess elettorali.

Lula, il-kandidat tax-xellug, ġab 48 fil-mija tal-voti mitfugħin, filwaqt li l-President Bolsonaro – politiku estremista tal-lemin —  kiseb 43 fil-mija tal-voti.

Dan ifisser li ż-żewġ sfidanti huma eqreb ta’ xulxin mit-tbassir ta’ qabel l-elezzjoni u meta huma, issa, qed jistennew ir-riżultat deċiżiv tar-rawnd li jmiss – bil-votazzjoni finali ssir fit-30 ta’ Ottubru.

Ftit kien hemm stennija li xi ħadd fost Bolsonaro u Lula kienu se jirbħu l-ewwel rawnd tal-votazzjoni għal riżultat ċar li kellu jissarraf fit-tmexxija tal-pajjiż għas-snin li ġejjin. Fil-fatt, wieħed irid imur lura 24 sena għal meta kandidat kien rebaħ maġġoranza ċara waqt l-ewwel rawnd tal-votazzjoni għall-Presidenza Brażiljana.

Min-naħa tagħhom, Bolsonaru u Lula, qabel il-vot, it-tnejn kienu wiegħdu lill-partitarji tagħhom li kellhom appoġġ biżżejjed biex jiksbu dan it-tragward rari – u meta fil-fatt, Lula falla bi ftit milli jissodisfa l-pronostisku tiegħu stess.

Sadanittant, kemm Lula kif ukoll Bolsonaro qed jinsistu li ‘jinsabu viċin ta’ trijonf’, b’Lula da Silva itenni li ‘ir-riżultat attwali hu biss ostaklu żgħir qabel ir-rebħa finali’.