Internazzjonali

Il-Bulgarija: Rebħa elettorali għal Boyko Borissov

Il-Partit GERB taċ-ċentru-lemin rebaħ l-elezzjoni parlamentari skont l-ewwel riżultati minn Sofija — u meta kiseb ftit aktar minn 25 fil-mija tal-appoġġ popolari wara li laħqu għaddew madwar 99 fil-mija tal-voti mitfugħin.

Il-GERB hu mmexxi mill-eks Prim Ministru Bulgaru Boyko Borissov li diġà serva għal tliet darbiet f’din il-kariga. Intant, Borissov se jsibha diffiċli ħafna biex jifforma koalizzjoni li għandha tiffunzjona matul is-snin li ġejjin peress li l-maġġoranza tal-partiti l-oħra għamluha ċara li ma jridux jaħdmu miegħu.

Ħafna fost l-avversarji politiċi ta’ Borissov qed jakkużawh b’li kien ‘strumentali’ għall-korruzzjoni fi ħdan il-Gvern waqt li kien Prim Ministru – u meta hu qed jiċħad kategorikament għall-akkużi.

L-aħħar elezzjoni saret wara li l-Gvern taċ-ċentru mmexxi minn Kiril Petkov, f’Ġunju, tilef vot ta’ fiduċja fil-Parlament u  fi żmien meta l-pajjiż qed jiffaċċja l-inflazzjoni rampanti..

Intant, Petkov, ekonomista gradwat mill-Università ta’ Harvard, kellu jammetti t-telfa wara li l-Partit għall-Bidla tiegħu kiseb biss 20.4 fil-mija tal-voti mitfugħin nhar il-Ħadd.