Lokali Parlament

Il-Gvern mhux ilaqqa’ l-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent; il-PN jinsisti li dan jitlaqqa’

– Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista u Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar tkellem fl-Aġġornament tal-Parlament u qal li l-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar għadu ma ltaqax darba. Għalhekk l-membri tal-Oppożizzjoni f’dan il-kumitat se jiktbu lill-President tal-Kumitat biex ilaqqa’ dan il-Kumitat aktar u aktar quddiem il-problemi li għadu l-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista qal li numru ta’ entitajiet ambjentali tkellmu dwar il-lukanda abbandunata Festaval fl-Għadira u spjega kif għad min qed jaħseb li f’Foresta 2000 jista’ japplika biex jagħmel lukanda.

Hu qal li se jniedi petizzjoni biex il-gvern ma jikkunsidrax li jwettaq dan il-proġett. Mhux aċċettabbli jsir dan l-iżvilupp u din l-applikazzjoni għandha titwaqqa’ u ma tkunx ikkunsidrata għall-iżvilupp.

Robert Cutajar kompla li għandu jaqa’ wkoll il-bini eżistenti li hemm u sostna li s’issa ma sar xejn biex Selmun jingħata lill-pubbliku. Il-lukanda f’Selmun u l-Palazz ta’ Selmun għandhom jingħataw lill-poplu Malti kif wiegħed il-PN fil-programm elettorali. Il-Lukanda Selmun għandha taqa’ u tingħata għat-tgawdija tal-poplu. Anki l-Forti Campbell għandu jkun restawrat u konservat u jingħata lura lill-poplu Malti.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li f’Kemmuna, fil-Blue Lagoon, qed tibqa’ l-okkupazzjoni ta’ min irid jaħtaf kull rokna li hawn fil-pajjiż. Hu spjega kif ressaq każ quddiem l-Ombudsman dwar toroq mibdijin u l-inġenji jitħallew fiż-żona b’perikli kbar.

L-ambjent mhux biss is-siġar iżda wkoll it-troroq. Teżisti traskuraġni kbira fit-Telgħa tal-Mellieħa fejn hemm gaffa f’nofs it-triq u ħadd ma jagħti kas; b’periklu kbir għat-traffiku. Din il-gaffa għandha titneħħa b’mod immedjat mill-awtoritajiet. Hu qal li fi Triq il-Marfa x-xogħolijiet m’humiex ċertifikati u t-triq qed tinżel. L-ambjent għandu jkun sigur, sostna Robert Cutajar, li appella biex il-gvern jaġixxi.