It-tibdil fl-iskeda tal-vjaġġi tal-fast ferry qed tkompli toħloq inkonvenjenzi kbar għal numru kbir ta’ studenti u ħaddiema Għawdxin li ta’ kuljum jaqsmu lejn Malta. Iżda apparti dan, it-tnaqqis fil-vjaġġi wassal ukoll biex numru ta’ ħaddiema spiċċaw jaħdmu bir-reduced hours.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Alex Borg f’kumment li ta lil Net News reġa’ appella lill-Gvern sabiex isib alternattiva ħalli is-servizz tal-fast ferry ikun provdut kif kien imwiegħed.
Alex Borg qal li għall-bidu s-servizz tal-fast ferry kien wieħed tajjeb ħafna, iżda minn mindu tnaqqas l-ammont ta’ vjaġġi bejn iż-żewġ gżejjer, l-affarijiet inbidlu.
Ftit tal-jiem ilu tħabbar li matul il-ġurnata, is-servizz tal-fast ferry se jkun offrut biss permezz ta’ disa’ vjaġġi… ħamsa li jitilqu mill-Imġarr u erba’ li jitilqu mill-Belt Valletta. Bl-ewwel vjaġġ jitlaq minn Għawdex fis-sitta ta’ filgħodu, it-tieni wieħed fis-sebgħa – bil-vjaġġ li jmiss, imbagħad, jitlaq fis-siegħa ta’ waranofsinhar. Dan ifisser li min jitlef il-vjaġġ tas-sebgħa ta’ filghodu, ikun irid jistenna sitt sigħat għall-vjaġġ li jmiss.
U l-istess problema teżisti wkoll mill-Belt Valletta hekk kif l-aħħar vjaġġ jitlaq fl-4.30. Ħin li ma tantx huwa komdu għal dawk il-ħaddiema li jaħdmu sas-sebgħa ta’ filgħaxija u dawk l-istudenti li jispiċċaw mill-Università iktar tard.
Din id-decizjoni qajmet bosta reazzjonijiet iebsin…. fosthom mill-Kamra tan-Negozju għal Għawdex, mill-GUG kif ukoll mill-Assoċazzjoni tal-Ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta.
//= $special ?>