Lokali

Il-PN irid ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji

Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ laqgħa konġunta bejn il-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet tal-Familja u l-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali, b’inizjattiva biex l-imsieħba soċjali jingħataw l-opportunità u l-ispazju mistħoqq b’forum uffiċjali u formali fejn jistgħu jinstemgħu l-veduti tagħhom dwar l-Avviż Legali li jimplimenta d-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol.

Matul ix-xhur tas-Sajf, il-Partit Nazzjonalista kompla jaħdem biex itejjeb l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva, li kienet immexxija fl-Unjoni Ewropea mill-Membru Parlamentari Ewropew David Casa.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-familji Maltin jistħoqqilhom aħjar mill-implementazzjoni mgħaġġla li saret fl-aħħar minuta mill-Gvern Laburista u li fiha kienu trasposti biss il-minimu tad-drittijiet permissibbli taħt id-Direttiva.

Il-Partit Nazzjonalista jsostni li din id-Direttiva m’għandhiex tkun opportunità mitlufa biex issir qafas legali għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-familji. Fl-aħħar ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista kompla jikkonsulta mill-viċin ma’ għaqdiet mhux governattivi u ma’ imsieħba soċjali, kif kien imwiegħed, bl-għan li jitressqu proposti li jemendaw l-Avviż Legali.

Dan sar b’inizjattiva tal-Partit Nazzjonalista għax jemmen li din id-Direttiva hi pass importanti ħafna għad-drittijiet tal-familji Ewropew u li f’Malta, b’emendi maħsubin, jistgħu jwasslu għal tgawdija aħjar tad-drittijiet u l-għanijiet imnaqqxin fid-Direttiva.