Lokali Parlament

Illum jerġa’ jiftaħ il-Parlament Malti

Illum jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament hekk kif jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu wara l-waqfa tal-vaganzi tas-sajf.

F’intervista li saret mal-Whip tal-Oppożizjoni Robert Cutajar spjega li l-ħidma tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista fl-ewwel tliet xhur f’din il-leġislatura l-ġdida ssarrfet f’ħidma kontinwa fid-diversi responsabbiltajiet li kienu fdati mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech

Dawn kienu responsabbiltajiet li jvarjaw minn dekasteri varji flimkien ma’ parteċipazzjoni qawwija u kostanti f’kumitati permanenti parlamentari fejn hemmhekk erġajna rajna l-effettività tal-ħidma tal-Oppożizzjoni.

Hu kompla li filwaqt li l-Oppożizzjoni saħqet li fil-ħin tal-Mistoqsijiet Parlamentari, il-Ministri – kif inhuma obbligati – ikunu lkoll fil-Kamra, b’mod sistematiku u intenzjonat, il-Ministri naqsu milli jkunu fil-Kamra biex iwieġbu għall-Mistoqsijiet Parlamentari tal-Oppożizzjoni.

Ta’ min ifakkar li l-Oppożizzjoni talbet ukoll biex kif jiġri fil-House of Commons, li hu l-mudell għat-tħaddim tal-Parlament Malti, il-Prim Ministru baqa’ ma jaċċettax li bħall-Prim Ministru Ingliż ikun hemm darba fil-ġimgħa ħin allokat b’Mistoqsijiet Parlamentari mwieġba direttament minnu.

Robert Cutajar kompla li l-Gvern Laburista fix-xhur li għaddew baqa’ wkoll ma jilqax il-proposta tal-Oppożizzjoni li Mozzjonijiet imressqa mill-Oppożizzjoni jkunu diskussi f’ħin jew fi żmien mhux ta’ darba kull tliet xhur, imma darba kull ħmistax. Dan ifisser li meta l-Oppożizzjoni tkun trid tiddiskuti suġġett imressaq minnha, l-Oppożizzjoni sa llum għandha biss allokat għaliha żewġ okkażjonijiet biss f’sena sħiħa!

Mistoqsi dwar l-andament tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista matul il-ġimgħat tas-sajf li għadda, Robert Cutajar qal li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kompla bil-ħidma tiegħu anki fis-sajf. Fost l-oħrajn kienu organizzati diversi laqgħat interni u anki ma’ organizzazzjonijiet nazzjonali biex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jippreżenta Dokument ta’ Qabel il-Baġit li jkun ifisser ukoll ta’ x’qed iħoss il-poplu Malti u Għawdxi. Dan hu Dokument ta’ Qabel il-Baġit li jwassal dak li jkunu qed jistennew il-Maltin u l-Għawdxn fil-Baġit għas-sena d-dieħla.

Robert Cutajar żied li fuq talba tal-Oppożizzjoni fil-jiem li għaddew, fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jiltaqgħu b’mod konġunt kumitati parlamentari permanenti soċjali u tal-familja biex ikunu diskussi f’aktar dettal l-Avviż Legali li l-Gvern daħħal b’rabta ma’ dan is-suġġett. Grazzi għall-Oppożizzjoni fil-laqgħat ta’ dawn il-kumitati se jkunu qed jingħataw spazji l-għaqdiet mhux governattivi u l-għaqdiet mis-soċjetà ċivili biex jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom dwar dan is-suġġett tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja.

Tajjeb li jingħad ukoll li diversi kumitati parlamentari permanenti oħra baqgħu jiltaqgħu anki fix-xhur tas-sajf, fosthom il-Kumitat Permanenti tal-Kamra għall-Kontijiet Pubbliċi u anki l-Kumitat Permanenti tal-Kamra dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

Mistoqsi x’inhi l-ħidma parlamentari tal-Grupp Nazzjonalista lejliet il-Baġit għas-sena d-dieħla, Robert Cutajar qal li fl-aħħar ġimgħat kull Deputat Nazzjonalista ressaq il-proposti tiegħu skont id-dekasteru tiegħu lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-Finanzi Jerome Caruana Cilia biex hekk id-dokument li qed jithejja u li se jkun qed ikun ippreżentat fil-jiem li ġejjin, ikun fih is-sehem ta’ kull Membru Parlamentari Nazzjonalista.

Dan id-Dokument ta’ Qabel il-Baġit se jkun qed imiss numru ta’ setturi li għall-Partit Nazzjonalista huma oqsma mill-aktar importanti fil-ħsieb ewlieni tagħna li noffru politika biex nagħtu lill-poplu Malti kwalità ta’ ħajja aħjar.

Robert Cutajar appella lill-Gvern Laburista li kemm-il darba jrid li n-nies hemm barra jkunu jirrispettaw lill-politiċi u anki lill-Parlament Malti, allura jrid li jkun hu fuq quddiemnett biex imexxi b’eżempju xierqa. Sa llum, minkejja l-kliem kollu min-naħa tal-esponenti tal-Gvern filwaqt li l-Oppożizzjoni kif inhu d-dover tagħha qed tieħu bis-serjetà l-ħidma parlamentari tagħha, għadhom mhux jieħdu bl-azzjonijiet tagħhom juru li l-Parlament Malti għad għandu rwol li jagħti t-tifsira vera u proprja tad-demokrazija f’pajjiżna.