Lokali Qorti

Is-sena Forensi lura għan-normalità: Mistenni appell biex jiġu ndirizzati l-problemi fil-Qrati

Wara snin ta’ appelli lill-Gvern minn naħa tal-Kamra tal-Avukati u esponenti oħra fi ħdan il-ġustizzja sabiex il-Gvern jindirizza d-diversi problemi fil-Qrati,  dawn l-appelli mistennija jirrepetu ruħhom illum waqt il-ftuħ tas-sena Forensi. ppelli li prattikament dejjem waqgħu fuq widnejn torox.

Fost it-talbiet li ilhom isiru hemm li jiġu ngaġġati nies ta’ kwalità, li jsiru r-riformi meħtieġa u biex il-binjiet tal-Qrati f’Malta u f’Għawdex jkunu attrezzati aħjar għaż-żminijiet tal-lum. Mhux sigriet ma ġewx ingaġġati nies ta’ kwalità, anzi ħaddiema ta’ valur li jaħdmu l-Qorti qegħdin jitilqu għax tilfu kull interess.

Dawn huma wħud mill-problemi li mistennija għal darba oħra jingħataw importanza hekk kif is-sena Forensi 2022 tirritorna lejn in-normalità tagħha wara l-pandemija. Illum fl-awla numru 22 tal-Qorti jkun isiru s-soliti diskorsi mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti. Id-diskors ta’ kull sena li jsir mill-President tal-Kamra tal-Avukati, l-Avukat Loius de Gabriele, din is-sena se jsir mill-Viċi President tal-Kamra Stephen Tonna Lowell peress li l-Preisident jinsab indispost, Din iċ-ċerimonja tradizzjonali fil-Qorti tibda għall-ħabta tal-11.00am.

Il-ftuħ tas-sena Forensi jibda biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fil-konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt, Valletta, ċċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna, u li din tibda fid-9.30am.

Ġudikanti bla ebda riżorsi

Mhux sigriet li l-ġudikanti m’għandhomx ir-riżorsi u li għandhom bżonn nies ta’ kwalità biex jgħinuhom fix-xogħol tagħhom. Fil-Qorti hemm ukoll problema kbira ta’ loġistika fejn numru ta’ ġudikanti lanqas biss għandhom awla fejn jaħdmu u jispiċċaw jittalbu biex isibu spazju fejn jaħdmu.

Ma jistax ikun li l-Qorti tibqa’ tipprova tillapazza billi kmamar li jintużaw għal għan differenti jiġu konvertiti f’awli. Ma jistax ikun li għandha tibqa’ tiġi adottata l-politika ta’  “li nraqqu l-pannu bil-qara aħmar”.

Il-wegħda ta’ binja ta’ Qorti ġdida f’Għawdex ukoll ilha ssir is-snin u baqa’ ma sar xejn bil-kundizzjonijiet kemm għall-ġudikanti kif ukoll tal-ħaddiema u l-pubbliku huma  prekarji.

F’Awwissu tal-2019 il-Qorti saret Aġenzija li suppost kellha żżid l-awtonomija amministrattiva u timmodernizza s-servizzi offruti lill-pubbliku. Esponenti tal-Gvern kienu qalu  li permezz ta’ din l-aġenzija, d-deċiżjonijiet amministrattivi se jittieħdu b’iżjed awtonomija u effiċjenza.

Sistema ta’ media communications li baqgħet fl-ajru

Permezz ta’ din l-aġenzija ġdida ngħad li l-amministrazzjoni tal-qrati se tintroduċi sistema ta’ komunikazzjoni tal-midja. Din ir-riforma ġejja minn għadd ta’ suġġerimenti mill-Kummissjoni Ewropea biex l-amministrazzjoni tal-Qorti tinqata’ mill-Gvern Ċentrali u ssir waħda iktar awtonoma, biex ikun hemm iktar distanza bejn il-Gvern u l-operat amministrattiv.

Din il-qasma kienet xi ħaġa li insistiet fuqha l-Kummissjoni Venezja, li permezz tar-rakkomandazzjoni tagħha, infirdu l-irwoli tal-Avukat Ġenerali. Madankollu baqa’ ma sar xejn u mhux talli żdiedet l-awtonomija, imma id-diversi Ministri responsabbli fl-aħħar snin m’għamlu xejn ħlief daħħlu numru konsiderevoli  nies jaħdmu l-Qorti bħala pjaċiri u mhux għax hemm bżonnhom. Nies li lanqas għandhom idea kif jaħdem il-Qorti.

Saħansitra l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello kien ikkummenta wkoll fil-media dwar is-suppost distakk bejn il-Gvern u l-Qrati fejn qal li sakemm il-ġudikatura tibqa’ tkun kontrollata mill-Gvern, ma tistax tikkwalifika bħala ‘independenti u imparzjali’.

Normalità assoluta

Lura għaċ-ċerimonja tas-sena forensi, filwaqt li s-sena l-oħra l-awla 22 kienet ristretta biss għall mistednin u membri tal-media, din is-sena n-normalità tfisser li avukati u membri oħra jistgħu jidħlu fl-awla biex isegwu. F’sitwazzjoni normali kif prattikament hija din is-sena, l-awla mistennija tkun waħda ppakkjata.

Fl-ewwel sena sħiħa tal-pandemija, jiġifieri fis-sena 2020 kien sar ftehim bejn l-Uffiċċju tal-Prim Imħallef u l-Kamra tal-Avukati fejn minflok is-solitu messaġġi fl-awla, kienu saru messaġġi qosra mill-Prim Imħallef  Mark Chetcuti u l-Avukat Louis de Gabriele, l-President tal-Kamra tal-Avukati u li dawn kienu intbagħatu permezz ta’ email lill-istampa.