Lokali Qorti

Konfermata sentenza oħra ta’ ħabs għal raġel li qed jiskonta għomor il-ħabs fuq qtil

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti ċaħdet appell uikkonfermat sentenza ta’ sitt snin ħabs għal Ronnie Azzopardi wara li fl-2016 instab ħati ta’ attentat ta’ qtil li f’Ottubru tal-2003 wara li ipprova joqtol lil Kevin Attard u lil Josef Tabone fi sparatura f’Bormla.

Azzopardi magħruf bħala “Is-Sufu” bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs fuq qtil li seħħ 17-il sena ilu fiż-Żejtun, meta Angela Bondin nqatlet intortament b’bomba b’kilo materjal splussiv li tpoġġiet f’borża taż-żibel bl-intenzjoni li din toq tol lill-ex sieħba tiegħu.

Dwar dan l-appell huwa kien instab ħati li spara tliet tiri lejn karaozza Mercedes misjuqa minn Attard f’Bormla. Dan wara ġlieda kbira fuq karozza ta’ ħu l-akkużat, Jason li kien inqatel sentejn qabel. Investigazzjoni kienet skattat wara li Attard, li dak iż-żmien kien qed joħroġ mal-eks sieħba ta’ ħu Azzopardi qal li dan sparalu tliet tiri ftit wara li kien se jitlaq mill-gym f’Bormla.

Huwa kien xehed li malli startja l-karozza, Ronnie Azzopardi ħareġ minn wara s-siġar u beda jispara. Xehed li kien għaraf lill-akkużat għax kien qrib tiegħu ħafna u saq b’veloċità qawwija għax Azzopardi kien qed jikkarga l-arma li kellu fuqu.

Azzopardi, li dak iż-żmien kien barra bil-libertà proviżorja fuq każ ieħor, kien arrestat u interrogat aktar tard fid-depot matul il-lejl. Huwa dejjem ċaħad l-akkużi u qal li dak il-ħin kien mas-sieħba tiegħu f’ħanut ġewwa ż-Żejtun. Xehed li Attard għamel minn kollox biex jinkriminah u biex iwarrbu min-nofs minħabba l-wirt.

Il-Qorti tal-Appell wara li fliet il-każ bir-reqqa qalet li d-deċiżjoni tal-ewwel Qorti kienet skont il-liġi. Il-Qorti tal-Maġistrati kien warrbet l-allegazzjoni ta’ Azzopardi li l-vittma qabbad terza persuna tisparalu b’senter fuq karozza. Il-Qorti tal-Appell qalet ukoll li l-akkużat naqas isemmi iċ-ċirkostanzi li għalihom is-sentenza kellha titnaqqas. Dan għaliex il-piena hija fil-parametri tal-liġi.

10 snin ilu Azzopardi kien ġie ikkundannat ukoll 20 sena ħabs wara li nstab ħati li prova joqtol lil Jonathan Spiteri meta ried ipattihielu minħabba l-qtil ta’ ħuh. Kien sena wara li mar il-ħabs għal għomru l-ħabs meta nstab ħati li qatel lil ċerta Angela Bondin b’mod sfortunat miż-Żejtun.

Bondin tilfet ħajjitha kawża ta’ bomba li kienet tpoġġiet f’borża taż-żibel fl-2005. Aktar tard irriżulta li l-mara nqatlet bi żball għax il-bomba saret biex toqtol lill-ex sieħba ta’ Azzopardi. Dan ir-reat kien ukoll immotivat minħabba tilwima fuq il-Mercedes ta’ Azzopardi.

Mewt sfortunata

Il-Qorti kienet semgħet kif Azzopardi poġġa borża ta’ qawwa kbira maġenb il-karozza pparkjata ta’ Bondin fiż-Żejtun meta marret tara lil ommha. Il-bomba magħmula ‘in house’ kellha swiċċ imwaħħal ma’ receiver tar-radju simili għat-tip użat fuq karozzi tal-kontroll mill-bogħod, li meta tixgħelu jieħu. Kien hemm kilogramma ta’ materjal splussiv ġewwa ‘fire extinguisher’ żgħir u ġew inklużi wkoll balal biex tiżdied il-qawwa.