Internazzjonali

L-Iran: Iżidu l-protesti kontra l-Gvern Iżlamiku fost il-ġlied bejn l-istudenti u l-pulizija f’Tehran

Il-protesti kontra l-Gvern Iżlamiku qegħdin jaħkmu dejjem aktar fl-Iran u meta fl-aħħar sigħat spikkaw sensiela ta’ konfronti vjolenti bejn il-pulizija u l-istudenti Iranjani li jattendu università prestiġjuża f’Tehran.

Filwaqt li t-tensjoni għadha qed tiddomina fid-diversi bliet Iranjani, l-aħħar rapporti qalu li numru kbir ta’ studenti li jattendu l-Università ta’ Sharif għat-Teknoloġija kienu spiċċaw maqbudin f’car park waqt li ċċirkondati mill-qawwiet tas-sigurtà Iranjani.

Sadanittant ħarġu wkoll il-filmati tal-istudenti qegħdin jiġru ‘il hinn mill-inħawi fost il-ħsejjes tal-isparar kontinwi.

Il-protesti konsistenti kontra l-Gvern Iranjan żbrffaw tliet ġimgħat ilu wara li mara arrestata mill-pulizija ‘għal stil ta’ ilbies mhux xieraq’ spiċċat mejta l-isptar ftit tal-jiem wara.

L-arrest tagħha sar mill-hekk-imsejħa Pulizija għaz-zamma tal-Moralità u li ddeċidew li l-mara, Mahsa Amini, ma kenitx liebsa b’mod li jissodisfa l-kodiċi stretti tal-Islam.

Din il-mara Kurda ta’ 22 sena kienet waqgħet f’koma wara li l-pulizija fil-kapitali akkużawha dwar ksur ta’ regola li tirrikjedi biex in-nisa kollha jgħattu xagħarhom b’hijab jew xalla tar-ras – u kienet iddikjarata mejta ( fl-isptar) tlett ijiem wara.,

Min-naħa tiegħu, il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, tkellem għall-ewwel darba fil-pubbliku dwar il-każ ta’ Mahsa Amini u fissru bħala ‘inċident li qasamlu qalbu’

Madankollu, Khamenei ma żammx lura milli jikkundanna l-protesti madwar l-Iran bħala rvellijiet li skont hu kienu ‘ippjanati mill-Istati Uniti u Iżrael’.

U skont Khamenei, il-kaġun ewlieni għall-inkwiet fl-Iran huma ‘l-aġenti mħallsin mill-Istati Uniti u Iżrael li qegħdin isibu l-għajnuna mingħand it-tradituri Iranjani li qed jgħixu barra pajjiżhom’.

Intant, il-protesti li bdew fis-17 ta’ Settembru waqt il-funeral ta’ Amini infirxu madwar il-pajjiż u laħqu livell ta’ vjolenza li ilu ma jidher fl-Iran għal snin.

Dan meta l-familja ta’ Mahsa Amini qed tallega li l-Pulizija għall-ħarsien tal-Moralità kienu sawwttu lil Mahsa f’rasha bil-lembubi wara li arrestawha.

L-istess familja qed tgħid li xi ħadd mill-pulizija kien anki ħabbtilha rasha mal-ġenb ta’ vettura – b’kelliema għall-pulizija Iranjana jwieġbu li ma kien hemm l-ebda indikazzjonijiet ta’ maltrattament u li Amini kienet sofriet ‘attakk tal-qalb għall-għarrieda’.