Lokali Qorti

Minn xahar ħabs għal probation fuq insulti fil-konfront ta’ uffiċjal tal-probation

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera bidlet sentenza ta’ xahar ħabs għal waħda ta’ probation fil-konfront ta’ Maximilian Ciantar ta’ 31 sena mill-Marsa. Huwa kien instab ħati li insulenta uffiċjal tal-probation fuq Facebook.

Ciantar kien instab ħati li insulenta u hedded lil din l-uffiċjal, li taha fastidju, li għamel użu ħażin minn tagħmir elettroniku u li kiser l-ordni ta’ sentenza sospiża. Kien fl-2016 l-uffiċjal tal-probation kienet marret għand il-pulizija wara li kienet sabet diversi posts ta’theddid fuq il-Facebook.

Il-kitbiet feġġew wara li l-uffiċjal tal-probation informat lill-Pulizija li ma kienx qed jagħti kas il-gwida tagħha, xi ħaġa li kienet assenjata li tagħmel fuq każ ieħor li kellu Ciantar. Il-Qorti semgħet li hi ma kinitx ħabiba ma’ Ciantar fuq Facebook iżda saret taf bihom mill-ħbieb tagħha wara li bagħtulha ritratti tal-posts tiegħu.

Fis-sentenza tagħha, l-ewwel Qorti kienet osservat li l-kliem ta’ Ciantar kien offensiv iżda mhux ta’ theddid. Kienet qalet li minkejja li kien irrabbjat għax kienet irrapportatu, ma kellu ebda dritt li jikteb dawk l-insulti. Ciantar ma kienx instab ħati la li taha fastidju u lanqas li uża tagħmir elettroniku ħażin. Huwa kien instab ħati biss li insulentaha.

Ciantar appella mis-sentenza u mill-piena. Qal li ma setax jinstab ħati għax l-akkuża taqa’ taħt il-liġi tal-midja u l-malafama. Madanakollu, il-Qorti tal-Appell ma qablitx ma’ dan l-argument. Il-Qorti tal-Appell, qalet li taqbel li nstab ħati iżda li l-piena mogħtija għandha tiġi rriformata. Ciantar kellu diversi każi fil-Qorti fosthom li kien mar sena ħabs wara li qal li kien issawwat mill-Pulizija meta ma kienx minnu.