Siġġiewi 0-2 Mdina Knights
Mdina kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta fil-Luxol Stadium għelbu lil Siġġiewi 2-0.
Joel Winters fetaħ l-iskor fid-19-il minuta biex l-ewwel taqsima ntemmet 1-0 favur Mdina. It-tim immexxi minn Roland Sollars issiġilla r-rebħa fid-89 minuta b’gowl ta’ Nicholas Zahra biex b’din ir-rebħa Mdina nqalgħu mill-aħħar post tal-klassifika u issa għandhom 4 punti, 3 aktar mit-tim tal-aħħar post Kirkop United.
Referee: Patrick Falzon
Għargħur, Mdina u Dingli swallows irreġistraw rebħiet fil-partiti mir-raba’ ġurnata ta’ Grupp B tan-National Amateur League biex bl-akbar sorpriża tkun ir-rebħa ta’ Għargħur bl-iskor ta’ 3-0 fuq il-leaders Rabat Ajax.
Għargħur 3-0 Rabat Ajax
Għargħur ħasdu lil Rabat meta fis-Sirens Stadium għelbu lil Rabat Ajax 3-0 bil-gowls jaslu kollha fl-ewwel taqsima. Għargħur fetħu l-iskor wara biss ħames minuti permezz ta’ Erik Pietribiasi biex l-istess plejer skorja fis-26 minuta biex għamel l-iskor 2-0. Għargħur baqgħu l-aħjar team fil-gorund tant li fit-38 minuta skorjaw it-tielet gowl permezz ta’ Matthew Borda. L-isforzi ta’ Rabat fit-tieni taqsima kienu kollha għal xejn b’Għargħur jgħarfu jamministraw il-logħba u żammew it-tliet gowls vantaġġ sa tmiem il-konfront
Referee: Wayne Sammut
Dingli Swallows 3-2 Luqa St. Andrews
F’konfront mill-aktar interessanti kienu Dingli Swallows li ħadu t-tliet punti meta għelbu lil Luqa SA 3-2. Dingli fetħu vantaġġ ta’ żewġ gowls b’dopjetta ta’ Cachel Vella fit-3 u l-20 minuta rispettivament. Luqa rrispondew b’żewġ gowls f’perjodu ta’ seba’ minuti b’Gilmour Sammut jiskorja dopjetta fit-32 u d-39 minuta biex iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu f’parità ta’ 2-2.
Bil-logħba tkun waħda bilanċjata fit-tieni taqsima kien gowl fil-65 minuta mill-attakkant Serb Aleksander Kovacic biex b’hekk Dingli wkoll irreġistraw l-ewwel rebħa tal-istaġun u bħal Luqa, Siġġiewi u Mdina issa għandhom 4 punti minn erba’ partiti.
Referee: Raiden Psaila
//= $special ?>