Futbol Lokali

FIR-RUMANIJA: Akkużi ġodda kontra Devis Mangia – omm tallega li ried jimmasturba quddiem binha

Omm il-plejer Razvan Popa qed tallega li Devis Mangia – meta kien kowċ fir-Rumanija – ried jimmasturba quddiem binha u wettaq dawk li hi sejħet “avvanzi”.

Dan intqal minn din l-omm f’intervista mal-Gazeta Sporturilor, li xxandret ukoll fuq YouTube. Dan filwaqt li l-aħbar qed tiġi rappurtata bi prominenza kbira madwar ir-Rumanija kollha.

Il-mara, Alexandra Popa, resqet ‘il quddiem biex titkellem wara l-allegazzjonijiet li għamlu f’pajjiżna żewġ plejers tan-nazzjonal.

Alexandra Popa qed tgħid ukoll li Mangia kien mgħejjun mill-klabb tiegħu biex jiskappa minn dawn l-akkużi serjissimi.

Dan kollu allegatament seħħ bejn l-2017 u l-2018 meta kien mal-club Universitatea Craiova, bil-mara tirrakkonta kif il-kowċ Taljan – dejjem skont hi – kien ankè vjolenti mal-plejer Rumen fid-dressing room tal-klabb.

Rakkont ta’ qsim il-qalb

“Kollox beda fl-ewwel season. Imma aħna bħala familja skoprejna s-sena ta’ wara, f’Marzu tal-2019. U hu telaq il-club dik is-sena stess”, qalet omm il-plejer li huwa eks difensur tal-U19 ta’ Inter.

Alexandra Popa spjegat ukoll kif darba minnhom, “il-kowċ poġġa’ idejh ma’ għonqu, u sammru mal-ħajt”.

Hi tirrakkonta kif wara dan kollu, binha waqa’ f’dippressjoni u żied fil-piż. “Kienu żminijiet tassew diffiċli”.

Mangia għadu sospiż mill-MFA

Dwar l-akkużi li saru f’Malta, Devis Mangia qed jiċħad b’saħħa. Filwaqt illi stqarr li se jieħu l-passi kollha biex inaddaf ismu.

L-MFA minn naħa tagħha għaddejja b’rapport li qed jitħejja mis-Safeguarding Officer tal-assoċjazzjoni. U kuntrarju għal dak li seħħ fir-Rumanija, ħadet azzjoni mal-ewwel fil-konfront tal-kowċ – li għadu sa issa sospiż.

(Ritratt: MFA/Mark Zammit Cordina)