Minn Neil Camenzuli
Juventus 3-0 Bologna
Wara serje ta’ riżultati negattivi kemm fil-kampjonat kif ukoll fil-UEFA Champions League, Juventus kisbu rebħa tajba kontra Bologna bl-iskor ta’ 3-0. Juventus fetħu l-iskor fl-24 minuta permezz ta’ Filip Kostic biex b’hekk daħlu jistrieħu 1-0 minn fuq. Fit-tieni taqsima l-Bianconeri baqgħu fil-kontroll assolut tal-partita u fid-59 minuta irdoppjaw permezz ta’ Dusan Vlahovic. Juventus issiġillaw ir-rebaħ fit-62 minuta b’gowl mill-isbaħ tal-Pollakk Arkadiusz Milik.
Lazio 4-0 Spezia
Fi Stadio Olimpico Stadium fl-ewwel logħba tal-Ħadd Lazio għelbu lil Spezia bl-iskor ta’ 4-0. Lazio marru fil-vantaġġ wara 12-il minuta logħob permezz ta’ gowl minn Mattia Zaccagni minn pass ta’ Felipe Anderson. Lazio reġgħu sabu x-xibka fl-24 minuta hekk kif id-difensur ċentrali Alessio Romagnoli rnexxielu jegħleb lil-goalkeeper Bartlomiej Dragowski permezz ta’rebound mix-xutt ta’ Ciro Immobile. Fit-tieni taqsima Lazio komplew iffitxu x-xibka, u dan irnexxielhom jagħmluh hekk kif it-tielet gowl wasal mil-midfielder Sergej Milinkovic-Savic fil-61 minuta minn pass vertikali ta’ Matteo Zaccagni. L-aħħar gowl wasal mill-istess Sergej Milinkovic-Savic fil-91 minuta li ssiġilaw it-tlett punti għall-Biancocelesti.

Atalanta 1-0 Fiorentina
Atalanta rebħu f’darhom permezz ta’ gowl fit-tieni taqsima minn Ademola Lookman. Lookman sab ix-xibka minn kross tal-midfielder Teun Koopmeiners.
Lecce 1-1 Cremonese
F’ Via Del Mare f’partita bilanċjata bejn Lecce u Cremonese riżultat kien ġust ta’ 1-1 hekk kif Cremonese marru fil-vantaġġ wara 11-il minuta permezz ta’ Daniel Ciofani li skurja penalty minn foul li sar fuq l-attakkant David Okereke fil-kaxxa. Minkejja dan Lecce sabu x-xibka ftit minuti qabel is-suffara ta’ l-ewwel taqsima permezz ta’ penalty ieħor fejn Gabriel Strefezza ma’ żbaljax u għeleb lil-goalkeeper Ionut Radu
Sampdoria 0-3 Monza
Fil-partita bejn Sampdoria u Monza rajna żewġ skwadri li jinsabu fil-parti t’isfel tal-klassifika jissieltu għal tliet punti kruċjali. Kienu Monza li marru fil-vantaġġ permezz ta’ gowl minn Matteo Pessina wara 11-il minuta logħob. Monza rrdopjaw l-iskor fis-67 minuta permezz ta’ gowl ta’ Francesco Caputo minn kross ta’ Patrick Ciurra. Monza ssiġilaw it-tliet punti fl-aħħar mumenti tal-logħba permezz tat-tielet gowl minn Stefano Sensi.
Sassuolo 5-0 Salernitana
Fil-Mapei Stadium logħba ddominata minn Neroverdi. Din il-partita għall-ewwel darba fl-istorja tas-Serie A kienet ikkontrollata mir-referee mara Maria Sole Ferrieri Caputi. Sassuolo kisbu l-vantaġġ wara 12-il minuta logħob permezz ta’ xutt b’saħħtu minn fuq il-lemin ta’ Armand Lauriente. Fid-39 minuta Sassuolo reġgħu sabu x-xibka minn penalty ta’ Andrea Pinamonti wara li sar foul fuq l-attakkant Emil Ceide. Fit-tieni taqsima Sassuolo ħarġu jffitxu t-tielet gowl u dan ma’ damux biex jagħmluh hekk fit-53 Kristian Thorsdvet sab ix-xibka minn pass ta’ Agustin Alvarez. Abdou Harroui kien dak li sab ix-xibka għar-raba’ gowl fis-76 minuta minn pass ta’ Armand Lauriente. Sassuolo ma waqfux hemm hekk kif ftit sekondi qabel is-suffara ta’ l-aħħar skurjaw l-aħħar gowl tal-logħba li wasal minn Janis Antiste.
