Lokali Qorti

Talba oħra mill-aħwa Degiorgio biex il-ġuri tagħhom dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ikun sospiż

George u Alfred Degiorgio għamlu talba oħra fil-Qorti biex ikun sospiż il-proċess ta’ ġuri li jinsab fil-qrib fejn huma akkużati għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-aħwa, li t-tnejn jinsabu akkużati li wettqu l-assassinju f’Ottubru tal-2017, qed isostnu li d-dritt tagħhom għal smigħ ġust jinkiser b’diversi modi li kieku l-proċess kellu jkompli quddiem ġurija.

Kif żvela b’mod esklussiv dan is-sit il-bieraħ, wieħed mill-aħwa, Alfred Degiorgio, nhar is-Sibt spiċċa l-isptar Mater Dei wara li kmieni l-ġimgħa l-oħra beda strajk tal-ġuħ fil-ħabs biex jipprotesta fuq is-sitwazzjoni. It-talba saret lill-Imħallef Joanne Vella Cuschieri.

Huwa mifhum li l-qagħda tiegħu hija waħda ta’ periklu wara li huwa lanqas ma aċċetta li jingħata d-drip. F’rikors ippreżentat quddiem il-Prim’Awla, Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, huma argumentaw li d-difiża tagħhom ingħatat daqqa ta’ ħarta mill-avukat tagħhom meta x-xahar li għadda ħabbar li mhux se jkompli jidher għalihom.

L-Avukat William Cuschieri informa lill-qorti tliet ġimgħat ilu li ma kienx se jibqa’ jirrappreżenta lill-aħwa fil-każ. Il-Qorti minn naħa tagħa assenjat lill-aħwa żewġ avukati tal-għajnuna legali wara li naqsu milli jinnominaw avukat ieħor tal-għażla tagħhom.

Huma qed jargumentaw li ma jistax ikollhom difiża tajba fil-proċess mingħajr l-għajnuna tal-avukat ta’ fiduċja tagħhom, minħabba l-iskala u l-kumplessità tal-każ, li jinkludi madwar 15,000 dokument u erba’ gigabytes ta’ data.

Sostnew ukoll li ma ngħatawx biżżejjed ħin biex isibu avukat ieħor tal-għażla personali tagħhom u ġew assenjati avukati tal-għajnuna legali kontra x-xewqat tagħhom stess. Fid-dawl ta’ ċirkustanzi bħal dawn, l-akkużati qalu li qed ikunu mċaħħda mid-dritt fundamentali tagħhom għal smigħ xieraq li kieku l-proċess kellu jkompli, jgħid il-protest imressaq mill-avukat tal-għajnuna legali maħtur speċifikament biex jippreżenta l-aħħar rikors kostituzzjonali tagħhom.

Barra minn hekk, minħabba l-“bombardament” tal-midja li ġibed żvela il-każ tagħhom, kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali, m’għandhom l-ebda garanzija u lanqas serħan tal-moħħ li xi ġurati potenzjali ma kinux se jisimgħu dwar dan il-każ, kompla jgħid l-avukat tal-aħwa Degiorgio.

“Kull ġurat ikun preġudikat mill-bidu nett u għalhekk mhux imparzjali peress li, billi jkun konxju direttament mill-fatti, l-ġurija tkun diġà waslet għall-konklużjonijiet fuqhom. Ma kien hemm l-ebda garanzija li kwalunkwe ġurat kien iħassar l-informazzjoni kollha qabel ma jibda l-proċess u kien jillimita ruħu biss għall-evidenza prodotta fil-qorti.

Konsegwentement, l-aħwa argumentaw li dan jikser id-dritt tagħhom għal smigħ ġust u għalhekk talbu lill-qorti tordna lill-Qorti Kriminali biex tissospendi l-proċess bil-ġurija sakemm din il-kwistjoni kostituzzjonali tiġi deċiża b’mod definittiv.

L-avukat tal-għajnuna legali Joseph P. Bonnici ffirma r-rikors li ġie ppreżentat kontra l-Avukat tal-Istat, l-Avukat Ġenerali u d-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati.