Sport Sport Ieħor

Charles Camenzuli kkonfermat President tal-Ewropa tal-AIPS Media

Il-ġurnalist ta’ Net Sports u preżentatur tal-programm Sport Extra Charles Camenzuli kien konfermat President tas-sezzjoni Ewropea tal-AIPS Media għall-erba’ snin li ġejjin.

Fl-elezzjoni li saret waqt l-Assemblea Ġenerali f’Ruma u li fiha kien ikkontestat mill-ġurnalist ta’ L’Equipe Marc Ventuliac, Camenzuli kiseb 26 vot filwaqt li Ventuliac ġab 13 minn 39 pajjiż li kienu eleġibli li jivvotaw.

Charles Camenzuli kien akkumpanjat mill-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Sandro Micallef, mis-Segretarju Laura Cunningham u mill-membru tal-Kumitat Eżekuttiv Antvin Monseigneur.

Fl-ewwel kummenti tiegħu lil dawk preżenti Charles Camenzuli rringrazzja lill-pajjiżi kollha li tawh il-fiduċja biex ikompli jmexxi u emfasizza li hu se jkun jerġa l-President tal-pajjiżi Ewropej kollha nkluż dawk li appoġjaw il-kandidatura ta’ Ventouillac.

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports esprima s-sodisfazzjon għal dan ir-riżultat li jitfa’ responsabbilità mhux biss fuq il-President Onorarju Charles Camenzuli iżda fuq l-Assoċjazzjoni Maltija.