Internazzjonali

Il-Ġappun: Teskala t-tensjoni mal-Korea komunista wara l-isparatura ta’ missila

Il-Prim Ministru tal-Ġappun, Fumio Kishida, akkuża lill-Korea ta’ Fuq dwar ‘atteġġjament vjolenti’ wara li l-Istat komunista spara missila ballistika bi prova – u meta l-istess missila għaddiet direttament minn fuq it-territorju Ġappuniż.

Il-missila vvjaġġat fuq distanza ta’ 4,500 kilometru qabel niżlet direttament fl-Oċean Paċifiku. Intant, l-osservaturi qalu u li l-prova tal-missila x’aktarx li sar bit-tama li l-komunisti fi Pyongyang ‘jattiraw l-attenzjoni tal-Ġappun u l-Istati Uniti’.

Madankollu, il-prova hi wkoll sinifikanti għaliex il-missila ballistika għandha qawwa biżżejjed biex tolqot lill-gżira Amerikana ta’ Guam f’każ li r-reġim fi Pyongyang jiddeċiedi biex iżid il-livell tal-aggressjoni.

Din hi ankli l-ewwel darba mill-2017 li missila sparata mill-Korea ta’ Fuq għaddiet direttament minn fuq il-Ġappun – bil-Ministru tad-Difiża Ġappuniż Yasukazu Hamada isostni li mhux qed jeskludi miżuri biex isaħħu l-kapaċitajiet tad-difiża għal pajjiżu – l-istess bħall-‘kapaċitajiet għal xi kontra-attakk’.

In-Nazzjonijiet Uniti tipprojbixxi lill-Korea ta’ Fuq milli twettaq il-provi għall-armi ballistiċi u nukleari. Dan meta s-sitwazzjonijiet fejn il-missili jgħaddu minn fuq xi pajjiż mingħajr l-ebda twissija ukoll jiksru l-protokolli u r-regoli internazzjonali stabbiliti.

Hu minnu li ħafna pajjiżi jevitaw dawn il-provi li kapaċi jkunu interpretati bħala ‘attakk’ minn xi pajjiż ieħor, bl-aħħar eżerċizzju tal-Korea komunista qed jitqies bħala aġir provokattiv għall-aħħar.