Lokali Parlament

Il-Ministru tal-Ġustizzja ma jesprimix fiduċja diretta fl-Avukat Ġenerali; jgħid biss li għandu fiduċja fl-istituzzjonijiet

Il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard naqas milli fil-parlament jiddikjara b’mod dirett li għandu fiduċja fl-Avukat Ġenerali u ddikjara biss li hu għandu fiduċja fl-istituzzjonijiet kollha.

Din id-dikjarazzjoni l-Ministru tal-Ġustizzja għamilha meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut fil-parlament llejla. Il-mistoqsija saret b’riferenza għall-fatt li l-Avukat Ġenerali naqset milli tieħu passi fil-konfront tal-uffiċjali għolja tal-Bank Pilatus minkejja li kien hemm ordni tal-Maġistrat biex dawn il-passi jittieħdu.

Aktar qabel fis-seduta l-Ministru tal-Ġustizzja naqas milli jiddikjara, għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, li se jkun qed jagħmel konsultazzjoni pubblika dwar l-att li jipproteġi lil-ġurnalisti. Il-Ministru tal-Ġustizzja qal biss li dan l-att kien għall-konsum pubbliku u għalhekk kulħadd seta’ jressaq il-proposti dwaru.

Għal mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami dwar is-sitwazzjoni tal-offerta għall-karozzi tal-membri tal-ġudikatura, il-Ministru tal-Ġustizzja qal li dwar dan it-tender hemm appell u għalhekk ma jistax jikkummenta. Dan it-tender kien ingħata lil kumpanija li s-sid tagħha qed jiffaċċja akkużi ta’ ħtif ta’ persuna.