Lokali

Il-PN jippreżenta Protest Ġudizzjarju fil-Qorti biex ikun investigat kuntratt ta’ miljuni ta’ ewro għal faċilità ta’ trattament tal-kanċer

Il-Partit Nazzjonalista dalgħodu ppreżenta Protest Ġudizzjarju, fejn talab lill-Qorti biex titlob lid-Direttur tal-Kuntratti jinvestiga kuntratt li jinvolvi miljuni ta’ ewro għal faċilità ta’ trattament tal-kanċer.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem għat-Trasport u l-Proġetti Kapital Adrian Delia u l-Kelliem għal Għawdex Alex Borg saħqu li ma kellhomx għażla oħra ħlief li jirrikorru għal azzjoni fil-Qorti wara li baqgħu mingħajr risposta għal ittra li kitbu lid-Direttur ix-xahar li għadda. Huma saħqu li d-Direttur tal-Kuntratti kien obbligat li jinvestiga jekk it-tender hux mistenni jingħata b’mod ġust u legali, iżda s’issa għadu ma laqax din it-talba.

Il-Kelliema sostnew li talbu biex ikun hemm investigazzjoni u jaraw jekk il-proċess għat-tender hux wieħed li jiffavorixxi lil dak li rebaħ il-kuntratt, kif ukoll li f’dan il-każ, hemm fin-nofs it-trattament għall-marda tal-kanċer u għalhekk, ma jistax jintilef ħafna ħin.

Ix-xahar li għadda, kemm Adrian Delia kif ukoll Alex Borg kienu kitbu ittra lid-Direttur tal-Kuntratti biex il-proċess kollu tat-tender jingħadda lill-awtoritajiet konċernati ħalli ssir investigazzjoni kif suppost. Liema tender se jkun qed jiswa madwar €25 miljun, aktar mid-doppju mill-istima oriġinali ta’ €12-il miljun.