Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li kkorrompa tifla ta’ 12-il sena

Raġel ta’ 41 sena residenti l-Fgura ġie mixli li f’Ġunju li għadda kkorrompa tifla ta’ 12-il sena fl-istess lokalità ta’ fejn jgħix bil-Pulizija tgħid li rnexxielha tasal għal Louis Calleja minn filmati tas-CCTV’s. Dan kollu beda wara rapport li sar fl- Għassa Raħal Ġdid minn omm l-allegata vittma.

“Kienu l-omm u t-tifla li marru l-Għassa mbikkma fejn irrapportaw li raġel li t-tifla ma tafx min hu, kien qiegħed f’karozza u wara li staqsiha x’isimha, staqsiha jekk tħobbx is-subien jew il-bniet. Wara huwa mar f’parkeġġ u segwa lit-tifla, u f’ħin minnhom uriha l-parti privata tiegħu. Hawn it-tifla mbikkma ħarbet minn fuq il-post b’ħasda kbira fuqha.”

Hekk qal fil-Qorti l-Avukat Sean Azzopardi, f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li kien qed jaġixxi bħala prosekutur fil-każ flimkien mal-Ispetturi Kylie Borg u Sarah K. Zerafa. Huwa qal li wara ħidma intensa mill-Pulizija waslu għall-karozza inkwistjoni u finalment għall-akkużat fejn irriżulta li kienet ta’ Calleja li kienet fit-triq fejn seħħ l-allegat reat.

Calleja, li jaħdem bħala Security ma’ kumpanija privata ġie mixli li kkorrompa persuna taħt is-16-il sena, li ssoġġettaha għall-intimità fiżika, jew b’imġieba b’konnotazzjonijiet sesswali, nkluż kliem bil-fomm jew għemil. Liema imġieba li ma kinitx mixtieqa mill-vittma. Huwa ġie mixli li għadda wkoll materjal indiċenti lit-tifla.

L-Avukati Lennox Vella u Daniel Buttiġieġ għamlu talba lill-Maġistrat Josette Demicoli biex minbarra li ma jixxandarx isem it-tifla skont il-liġi minħabba li hija minorenni ma jixxandarx ukoll isem l-akkużat għax għadu preżunt innoċenti. Barra minn hekk anke minħabba l-impieg li għandu għax jekk jiġi mxandar fuq il-media, ismu bit-teknoloġija tal-lum, ismu jibqa’ hemm u li anke jekk jiġi lliberat, ismu jkun tħammeġ.

Hawn il-prosekiuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba billi qalet li kieku l-akkużat għandu l-istess kunjom jew jiġi mit-tifla dan l-argument kien ikun validu. Ma hemm l-ebda konnessjoni bejniethom u barra minn hekk Calleja qed jiġi akkużat liu huwa reċediv, bid-difiża tgħid li l-każ preċedenti huwa fuq reat dwar it-traffiku. Il-Qorti ma laqgħetx it-talba biex isem l-akkużat jinżamm mistur.

Wara saru s-sottomissjonijiet dwar il-pleġġ fejn id-difiża qalet li kif anke l-prosekuzzjoni qed taqbel li ma hemmx konnesjoni bejn il-vittma u l-akkużat, allura mhux problema li jingaħata l-ħelsien mill-arrest. “Dan huwa Malti,residenti Malta, għandu mpieg, l-unika problema, li tista’ tingħeleb hija l-intraċċ tal-provi għax it-tifla għadha ma xehditx.

Id-difiża kompliet tgħid li l-bqija l-kondotta tiegħu hija waħda netta u jekk jiskser xi kundizzjoni se jbati minn konsegwenzi serji. Il-prosekuzzjoni kompliet toġġezzjoni u qalet li jkun hemm aktar serħan il-moħħ jekk jibqa’ arrestat li ma jkunx hemm kontaminazzjoni tal-provi. Qalet ukoll li wara li tixhed il-vittma hija mhijiex se ssib oġġezzjoni biex jingħata l-“bail.”

Il-Qorti ċaħdet it-talba f’dan l-istadju iżda ordnat lill-prosekuzzjoni biex fl-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni tixhed it-tifla. Wata li laqgħet it-talba għall-ordni ta’ protezzjoni mitluba mill-prosekuzzjoni hija wissiet lill-akkużat li meta jingħata l-pleġġ ma jkollu l-beda komunikazzjoni mal-minuri bl-ebda mezz u lanqas mal-familjari tagħha. Għax jekk dan isir hemm piena ta’ sentejn ħabs jew 7,700 ewro multa, jew it-tnejn flimkien.