Lokali Parlament

Kulħadd qed iħoss l-inflazzjoni

– Ivan Bartolo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal fil-parlament li kulħadd qed iħoss l-isfida tal-inflazzjoni li telgħet għal 7%; sitt darbiet iktar minn dan iż-żmien f’sena. Hu sostna li hawn min qed jgħix f’bir tas-skieken għaliex l-ħajja għoliet għal kulħadd. Id-deputat qal li d-dinja qed tiekol liż-żgħir u lil dawk bil-għaqal u żied li l-iktar li jbatu huma ż-żgħar. Jekk dawn ma jħallsux fil-pront, is-servizzi jinqatgħu mill-ewwel waqt li l-interessi qed jixorbu lin-nies.

Hawn ħaddiema li m’humiex organizzati u jieħdu biss iż-żieda tal-COLA, li hi retroattiva. Dawn huma l-aktar li jbatu, sostna d-deputat Ivan Bartolo, li staqsa fejn mar il-ġid li nħoloq. Jeħtieġ isir xi ħaġa dwar l-abbużi fil-prezzijiet; kulħadd jgħolli bla kontroll. Flok soċjetà ġusta hawn konflitt soċjali, sostna Ivan Bartolo, li appella biex jitkisser dan iċ-ċirku vizzjuż.