Internazzjonali

L-aħħar żviluppi fil-Gwerra tal-Ukrajna: Il-qawwiet Ukreni jkomplu jaħtfu t-territorji minn idejn ir-Russi

Il-qawwiet tal-Ukrajna ħatfu lura aktar territorji fir-reġjuni li r-Russja kienet iddikjarat bħala ‘tagħha’ ftit tal-jiem ilu. L-aħħar kisbiet militari għall-Ukreni komplew iżidu l-paniku ta’ Moska u meta t-truppi tal-Ukrajna, fl-aħħar sigħat, kienu qed javvanzaw fuq artijiet viċin il-belt ta’ Kherson, fid-direzzjoni tan-Nofsinar.

It-truppi tal-President Ukren Volodymyr Zelensky, intant, qed ikomplu jikkonsolidaw posthom fiz-zoni li waqgħu f’idejhom mill-ġdid wara ġimgħat ta’ okkupazzjoni mir-Russja.

Dan meta l-uffiċjali li qed jappoġġjaw lir-Russi f’Kherson ikkonfermaw l-avvanzi tal-militar Ukren filwaqt li qalu wkoll l-militar tagħhom kien qed iħejji għal reżistenza qawwija.

Madankollu, l-avvanzi tal-qawwiet Ukreni qed jidhru li qabdu spinta sew, bil-militar Russu qed jinqabad kontinwament fuq sieq waħda.

It-truppi tal-Ukrajna kienu anki qed javvanzaw għal fuq ir-reġjun ta’ Luhansk ( li hu kontrollat mir-Russi) fl-artijiet Ukreni tal-Lvant – bil-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qed jitkellem dwar ‘il-liberazzjoni tar-residenzi f’diversi reġjuni’.

Fl-aħħar diskors lill-poplu, il-President Zelensky spjega li għadu għaddej il-ġlied qalil mar-Russi f’diversi bnadi tal-Ukrajna iżda hu ma ħariġx ħafna dettalji dwar is-sitwazzjoni. Fil-verità,  ftit qed joħorġu dettalji dwar il-progress tal-kontra-attakki tal-Ukreni – ħlief għall-informazzjoni approvata minn Kiev. Dan ukoll meta l-ġurnalisti mhumiex jitħallew jidħlu fiz-zoni tal-gwerra.

Fl-istess ħin, l-indikazzjonijiet qegħdin juru li l-Ukreni qed iwettqu suċċess militari wara l-ieħor wara d-disfatti tal-ewwel ġimgħat tal-konflitt.

Fil-fatt, Vladimir Saldo, alleat ta’ Putin li qed jikkmanda r-reġjun ta’ Kherson , ammetta li l-qawwiet Ukreni avvanzaw sal-limiti tal-belt ta’ Dudchany, maġenb ix-Xmara Dnipro u li tinsab ukoll qrib tal-art li sa ftit ilu serviet ukoll zona tal-gwerra.

Saldo ammetta wkoll li l-Ukreni ħatfu lura l-kontroll ta’ diversi zoni residenzjali fl-inħawi – b’xi rapporti tar-Russi anki jirreferu għal ‘rebħa militari għall-Ukreni fil-belt proprju ta’ Dudchany’.

Kelliema għall-Ministeru tad-Difiża Russu, wara, tkellmu dwar ‘it-tankijiet tal-gwerra tal-Ukreni li kellhom vantaġġ numeriku  ( fuq l-istess Russi)’ u li rnexxielhom jikkonsolidaw preżenza fl-artijiet lejn in-nofsinar ta’ Zolota Balka – villaġġ li riċentement kien ċentru għall-battalji qrib id-Dnipro.

L-istess kelliema Russi komplew li mietu talanqas 130 suldat Ukren waqt il-ġlied f’dawk l-inħawi – biċ-ċifri għad iridu jkunu konfermati.

Jidher ukoll li żewġ battaljuni tal-Armata Ukrena pruvaw javvanzaw għal fuq il-kumpless ta’ Kakhovka li jipproduċi l-enerġija idroelettrika u li jinsab lejn il-lvant ta’ Kherson. Il-power station inkwistjoni jinsab fil-belt tal-port ta’ Nova Kakhovka.

It-truppi Ukreni, waqt l-aħħar avvanzi, kienu anki qed jippruvaw jikkontrollaw xi rotot minfejn qed jitwasslu l-provvisti lil xi 25,000 suldati Russi man-naħa tax-Xmara Dnipro fid-direzzjoni tan-nofsinar.