Lokali Qorti

Missier u ibnu jinżammu arrestati fuq traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus

Anzjan ta’ 68 sena u ibnu li għandu 30 sena inżammu taħt arrest wara li ġew mixlija quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli bi traffikar ta’ droga eroina, kokaina u cannabis. Il-Pulizija qalet fil-Qorti li għamlet sorveljanza fuq Josef Zammit li joqgħod Marsascala u missieru Mario Brignone residenti Bormla fejn instabu fil-pussess taġħhom qratas ta’ droga lesta biex tiġi traffikata oġġetti relatati mas-sustanza u flus kontanti.

L-Ispettur Mark Anthony Merceica qal fil-Qorti li nhar it-Tnejn il-Pulizija segwit liż-żewġ akkużati fuq traffikar tad-droga fejn dawn għandhom żewġ kundizzjonijiet ta’ pleġġ. Huwa tenna li dawn qegħdin jiġu akkużati wkoll fuq ħasil ta’ flus. Huwa qal li minn sorveljanza li saret mill-Pulizija diversi persuni kienu qegħdin jixtru d-droga mir-residenza tal-missier.

Bonnici qal ukoll li mit-tfittxijiet li saru fil-karozza wżata minn Josef Zammit instabet id-droga kokaina u eroina u dan fil-cover tal-bieba.  Wara l-Pulizija baqgħet sejra fir-residenza tiegħu f’Marsascala fejn instabet id-droga cannabis grass f’ammonti aktar minn dak li huwa stipulat fil-liġi.

L-Ispettur Bonnnici qal li saret tfittxija wkoll fir-residenza ta’ Brignone, li fil-ħin tat-tfittxija huwa talab għall-assitenza tal-ambullanza fejn ittieħed fiċ-ċentru tas-saħħa u spiċċa ukoll l-isptar fejn hemm għamel hemm ħames sigħat. Meta wasal lura tkompliet it-tfittxija u nstabu aktar flus fil-‘washing machine’ u pjanti tal-cannabis. Fir-residenza instabet ukoll ċavetta li din kienet taqbel ma’ residenza oħra abbanudanta fejn hemm instabu xi oġġetti li jintużaw biex tinħadem id-droga.

Għaldaqastant l-akkużati li wieġbu mhux ħatja għall-akkużi kollha miġjubin kontrihom, ġew mixlija li kellhom fil-pusses tagħhom droga f’ċirkostanzi li ma kinitx għal użu esklussiv tagħhom, li saru reċeidivi u li kisru ordnijiet tal-Qorti. L-Avukat Franco Debono li flimkien mal-Avukat Marion Camilleri dehru għall-akkużati għamel talba għall-ħelsien tal-akkużati, speċjalment fil-konfront tal-missier fejn ingħad li dan huwa bniedem fraġli ħafna.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għal din it-talba fejn qalet li l-akkużati mhumiex affidabbli fejn minflok tgħallmu minn dak li għaddew minnu f’każijiet preċedenti reġgħu għażlu li jwettqu l-allegati reati. L-Avukat Debono qal li minkejja li l-akkużi jidhru ferm serji, il-kwantità ta’ droga misjuba mhijiex ta’ barra minn hawn.

Qal ukoll li jekk xejn l-akkużat anzjan huwa bniedem fraġli u għandu jingħata l-pleġġ bil-kunidzzjonijiet li jidhrilha l-Qorti. “Il-fatt li spiċċa l-isptar b’ambullanza tikkonferma l-fraġilita tiegħu”, qal Debono. Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużi huma gravissimi fejn wara sorveljanza mill-Pulizija, ġie nnutat li kienet qed tinbiegħ id-droga lil diversi persuni.

L-Ispettur Mercieca qal li l-istat ta’ saħħa mhux skuża u tenna li ż-żewġ akkużati kisru żewġ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest. Qal ukoll li jridu jixhdu żewġ pajżana b’rabta ma’ dan il-każ. L-Avukat Franco Debono qal li l-pleġġ m’għandux x’jaqsam ma’ dan il-każ u qal li mhux l-ewwel darba li l-Pulizija tagħti l-police bal meta l-investigazzjonijiet ikunu għadhom għaddejjin.  

Talba għall iffriżar tal-assi tal-akkużati kienet milqugħa mill-Qorti, li qalet ukoll li i f’dan l-istadju l-Qorti kienet qed tiċħad iit-talba għall-pleġġ minħabba biża ta’  intraċċ tal-provi u li l-akkużati ma jissodisfawx  il-garanziji mogħtija mill-liġi. Il-Qorti għamlet ukoll rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-ħabs sabiex Brignone jingħata l-kura li għandu bżonn.