Basketball Sport

Super Cup tal-Irġiel: Starlites FIJO jirbħu l-ewwel unur tal-istaġun

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Rapport ta’ Colin Schembri

Mellieħa Libertas Spalding………67

Starlites FIJO…………………………….73

(21-16)(21-20)(7-22)(18-15)

Ic-champions Starlites FIJO rebħu s-St. James Hospital Super Cup tal-irġiel wara partita kumbattuta kontra Mellieħa Libertas Spalding 73-67. Iż-żewġ timijiet kellhom xi tibdil mill-istaġun li għadda fejn it-tnejn li huma biddlu l-players barranin tagħhom. Starlites ippreżentaw lill-Amerikani Melvin Newbern u Darius George flimkien ma’ Matthew Attard li għandu dixxindenza Maltija. Huma tilfu lil Robert Bonnici li mar ma’ Mellieħa flimkien ma David Bugeja u Samuel Zammit li kienu fost it-transfers ewlenin ta’ matul is-sajf. Mellieħa wkoll għandhom players barranin ġodda, l-Amerikan Connor Zinaich u s-Serb Nikola Jovanovic flimkien ma’ bidla fil-coach bit-Taljan Christian Narcisio. Żvolta mportanti fil-partita seħħet fit-tieni taqsima fejn l-Amerikan Zinaich ikkometta t-tieni foul anti-sportiv tiegħhu u kellhu jħalli l-court.

Starlites fetħu tajjeb bil-punti ta’ Alec Felice Pace u trippla minn Attard. Mellieħa rrispondew bil-punti ta’ Zinaich u trippla ta’ Vukassin Jandric f’run ta’ 11-2 li rathom imorru fuq quddiem 11-7. Wara risposta minn Starlites permezz ta’ Newbern u George, Mellieħa kellhom trippla ta’ Isaac Bonett. Felice Pace ukoll wieġeb bi trippla għac-champions però kienu Mellieħa li temmew it-taqsima bl-aħjar mod b’sitt punti mingħajr risposta għal skor ta’ 21-16. Fit-tieni perjodu, Mellieħa fetħu b’5 punti minn Zinaich u ħadu vantaġġ ta’ 12 -il punt 30-18 b’Ferrante kostrett jagħjjat time-out. Trippla oħra ta’ Bonett kompliet tħalli lil Mellieħa minn fuq u għalkemm Starlites irrispondew id-distakk baqa’ ta 12 -il punt wara l-punti ta’ Zinaich u trippla ta’ Jandric 42-30. Hawn pero waslet it-tkeċċija ta’ Zinaich u sitt punti konsekuttivi minn Attard raw lil Starlites inaqqsu d-distakk fil-mistrieħ 42-36.

Wara l-intervall, Mellieħa dehru mfixkla mingħajr Zinaich u t-team talk ta’ Ferrante fid-dressing room ħalliet l-effett tagħha hekk kif Starlites bdew is-sessjoni bi break ta’ 13-0 bil-punti taż-żewġ Amerikani flimkien ma’ Matthew Scerri u Ian Felice Pace biex marru fuq quddiem 49-42. Finalment Jandric għamel l-ewwel punti għal Mellieħa flimkien ma’ Bonett u trippla ta’ Jovanovic però Starlites għalqu b’żewġ baskets minn A. Felice Pace għal skor ta’ 58-49. Fl-aħħar taqsima però, Mellieħa reġgħu ġew f’tagħhom u bdew b’run ta’ 10-2 bi trippli ta’ Bonett u Nenad Bukva biex reġgħu sabu ruħhom punt taħt l-avversarji 59-60. Wara li Stalites wieġbu permezz ta’ George u trippla ta’ I. Felice Pace, Mellieħa rnexxielhom jippareġjaw 67-67 fl-aħħar minuta tal-partita. Starlites tilfu free-throw però fl-aħħar 8 sekondi, Scerri b’kuraġġ ta’ veteran għamel trippli li poġġiet lil Starlites 4 minn fuq u l-partitarji tagħhom f’dellirju ta’ ferħ hekk kif huma ħarġu rebbieħa 73-67 wara l-freethrows finali ta’ George. Fi tmiem il-partita, l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil captain ta’ Starlites Alec Felice Pace għat-tieni suċċess tagħhom f’din il-kompetizzjoni.

Mellieħa Libertas: S. Zammit 4, M. Falzon, D. Bugeja 7, R. Bonnici, V. Jandric 14, I. Bonett 15, N. Bukva, N. Jovanovic 10, C. Ziniach 14, M. Formosa

Starlites FIJO: A. Felice Pace 13, M. Attard 10, M. Newbern 11, I. Felice Pace 5, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 8, R. Carabott, L. Farrugia, K. Xuereb 1, N. Sultana, D. George 25.

Referees: Bernard Vassallo, Ionut Ciurariu, Z. Dobrosaviljevic