Basketball Sport

Super Cup tan-Nisa: Caffè Moak Luxol bid-disa’ suċċess tagħhom

Rapport ta’ Colin Schembri

Caffè Moak Luxol………82

Hibernians…………………52

(28-16)(19-12)(17-13)(18-16)

Il-holders Hibernians kellhom ibaxxu rashom għall-qawwa taċ-champions renjanti Caffè Moak Luxol fil-finali tas-St. James Hospital Super Cup tan-nisa li fetħet l-istaġun 2022-2023 li rat lil Luxol joħorġu rebbieħa 82-52. Luxol mill-ġdid taħt it-tmexxija tal-coach Santino Coppa introduċew lill-player internazzjonali Messikana Gladiana Avila li ħadet post il-Brażiljana Palmira Marcal fil-waqt li kellhom lura lil Cristina Sollami u Kay Portelli. Hibernians, issa taħt it-tmexxija ta’ Sandro Farrugia kienu mingħajr l-Amerikana kkonfermata Kenyotta Jenkins u mingħajr Ylenia Bonett li dan l-istaġun se tkun tilgħab fl-Islanda. Huma kellhom lill-Ispanjola Ane Legarra Oyarzubal tagħmel id-debutt tagħha flimkien mar-ritorn ta’ Kaya Calleja.

Wara li Ashleigh Van Vliet fetħet il-punteġġ għall-Pawlisti, Luxol kellhom risposta mmedjata bi break ta’ 9-0 mibdi bi trippla ta’ Paula Ellul flimkien mal-punti ta’ Josephine Diaby u l-ewwel punti f’pajjiżna ta’ Avila. Wara time-out ta’ Farrugia, kienu Van Vliet u Jasmine Abela bi trippla li wieġbu għal Hibs għalkemm Luxol baqgħu jżidu l-vantaġġ bil-punti ta’ Diaby, Mandi Mercieca u trippli minm Sollami u Avila biex temmew l-ewwel sessjoni 28-16 minn fuq. It-tieni taqsima fetħet b’seba’ punti oħra mingħajr risposta minn Luxol qabel ma Hibs kellhom żewġ trippli oħra minn Abela flimkien ma’ Iona Agius. Sollami u Diaby għalqu s-sessjoni għal Luxol li daħlu jistrieħu 47-28 minn fuq.

Wara l-intervall, l-andament tal-partita baqa’ l-istess fejn wara li Hibs kellhom break qasir ta’ 6-2, kien hemm risposta mic-champions bi break ta’ 11-0 mibdi minn Diaby u magħluq bi tippla ta’ Avila biex Luxol fetħu vantaġġ ta’ 28 punt 64-36. Fl-aħħar sessjoni kien hemm fost l-oħrajn run oħra ta’ 9-0 minn Luxol fil-waqt li għal Hibs, Julija Dabic bdiet tirrispondi b’konsistenza għalkemm id-distakk baqa’ wieħed konsistenti. Fl-aħħar ħinjiet il-coaches taw ħin lil players żgħażagħ hekk kif Luxol baqgħu jikkontrollaw u rebħu l-ewwel unur tal-istaġun fuq skor finali ta’ 82-52.

Fi tmiem il-partita, l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil captain ta’ Luxol Mandi Mercieca għad-disa’ suċċess tagħhom f’din il-kompetizzjoni.

Caffè Moak Luxol: C. Sollami 5, V. Selvaggi, M. Mercieca 4, L. Fenech Pace 6, F. Camilleri, H. Galea, G. Avila 28, K. Portelli 2, P. Ellul 13, M. Camilleri, J. Diaby 15, A. Fenech Pace 6.

Hibernians: E. Farrugia, I. Agius 2, A. Legarra, A. Van Vliet 16, J. Abela 15, N. Farrugia 2, K. Conti, K. Caruana 4, K. Calleja 2, J. Dabic 11, M. Mendez.

Referees: Ivica Simic, Nicky Azzopardi, Zvezdan Dobrosaviljevic