Lokali Qorti

Tinżamm arrestata wara li allegatament aggredit ġara bi flixkun

Mara ta’ 36 sena minn Ħal Tarxien inżammet arrestata wara li ġiet akkużata quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li aggrediet waħda mill-ġirien tagħha bi flixkun u kkaġunatlilha ġrieħi ħfief. L-Ispettur Paul Camilleri qal lill-Qorti li Tiziana Attard kienet qed tonqos milli tiffirma fl-Għassa tal-Pulizija fuq każ ieħor u għalhekk xliha wkoll li kienet qed tinjora ordni tal-Qorti.

Il-prosekuzzjoni qalet li sar rapport minn mara fl-Għassa tal-Pulizija dwar l-argument li qam bejn in-nisa. Il-Pulizija ipprovat issib lill-akkużata iżda ma rnexxielhiex iżda ġiet arrestata wara li marret tiffirma fl-Għassa tal-Pulizija. Ingħad li hija xi ħaġa normali li jew li ma tiffimax inkella li tiffirma tard.

L-Ispettur Camilleri qal li ttieħditilha stqarrija u li iżda għażlet li ma tweġibx għal mistoqsijiet magħmlula mill-Puliizija. L-Avukat tagħha Carmelo Mifsud Bonnici qal li kif jixhdu l-akkużi l-feriti huma klassifikati bħala ħfief u għalhekk għandha tingħata l-pleġġ.

Dwar l-akkuża ta’ ksur tal-kundizzjonijiet mill-Qorti, dan huwa każ apparti u skont il-liġi persuna ma tistax tinżamm arrestata minħabba dan l-argument. Il-prosekuzzjoni qalet li kien hemm ksur ta’ żewġ ‘bails’ għax daqqa tiffirma u daqqa le u għalhekk Attard mhijiex persuna kredibbli.

Id-difiża qalet li l-ġlieda inkwistjoni saret fl-appartament u li kienet il-klijenta tiegħu li spiċċat provokata bil-Qorti tgħid li madankollu hija Attard li tinsab quddiemha u mhux l-allegata vittma. Oġġezzjoni għal ħelsien mill-arrest minn naħa ta’ l-Ispettur Camilleri kienet minħabba li l-allegata vittma li għad trid tixhed toqgħod fl-istess blokka.

Għal darba oħra l-avukat Mifsud Bonnici tenna li l-akkużata mhijiex hi li kienet il-promutur tal-ġliea u dan huwa konfermat miċ-ċertifikati mediċi. Il-prosekuzzjoni kompliet tinsisti biex Attard tinżamm arrestata u dan minħabba l-karattru tagħha, li huwa mimli rabja. L-Avukat tagħha qal li hawn nofs il-pajjiż irrabjat u allura fuq dan l-aġir nibgħatuha l-ħabs?, huwa staqsa. Il-Qorti ċaħdet it-talba peress li n-nisa jgħixu fl-istrss blokka u minħabba l-inaffidabilità ta’ l-akkużata.