Futbol Sport

Ħarsa lejn il-ħames ġurnata tal-Kampjonat Premier

(Ritratt: Trevor Sollars)

Ħamrun Spartans komplew bil-bidu perfett tagħhom biex kisbu l-ħames rebħa minn daqstant logħbiet. Din id-darba l-avversarji kienu Floriana fejn il-previżjonijiet kienu li kienet ser tkun logħba diffiċli. Iżda minflok l-Ispartans iddominaw lill-avversarji tagħhom fejn b’gowl f’kull taqsima kisbu tlett punti oħra biex baqgħu jżommu l-ewwel post flimkien ma’ Birkirkara. Il-gowl kmieni skurjat minn Matthew Guillaumier ħasad xi ftit lil Floriana li kellhom ibiddlu l-pjan tattiku tagħhom. Minn hemm il-quddiem Ħamrun kellhom ħinijiet twal ta’ pussess u anki numru ta’ okkażjonijiet li fihom setgħu żiedu l-vantaġġ. Iżda kien biss fl-aħħar parti tal-logħba li wasal it-tieni gowl u qatel kull tama li setgħu kellhom il-Greens li jsalvaw il-logħba u jieħdu xi ħaġa minnha. L-Ispartans issa jmisshom il-konfront klassiku kontra Valletta, tim li għadu ġej minn żewġ telfiet konsekuttivi.

(Ritratt: Joseph Galea)

Għal darb’oħra determinanti l-attakkant Jurgen Degabriele li skorja ż-żewġ gowls li bihom Hibernians għelbu lil Balzan biex il-Pawlisti ħadu ftit tan-nifs wara l-mumenti diffiċli li għaddew minnhom fl-aħħar logħbiet. Konxji mit-telfa kontra Gżira United fejn wara li kienu fil-vantaġġ l-Maroons dawru l-logħba favur tagħhom, Hibernians din id-darba skurjaw żewġ gowls kmieni fil-partita u f’temp ta’ żewġ minuti. Minkejja dan huwa komplew jiddettaw il-partita u qatt ma’ ċedew l-inizjattiva lill-avversarji. B’dawn it-tlett punti huma issa jinsab mal-grupp tan-nofs, jiġifieri Mosta u Floriana kollha b’7 punti. Huwa jaspiraw li jkomplu jiksbu aktar rebħ u konsistenza biex jitilgħu aktar il-fuq fil-klassifika. Min naħa ta’ Balzan wara bidu tajjeb għall-kampjonat waslet din it-telfa, it-tieni waħda tal-istaġun iżda xorta waħda s-sinjali huma pożittivi.

Birkirkara kisbu rebħa konvinċenti kontra Valletta biex żammew ir-rekord ta’ mija fil-mija. Kienet rebħa meritata għall-Istripes minkejja li r-riżultat huwa xi ftit qarrieqi. Dan il-għaliex sakemm sofrew l-ewwel gowl Valletta qasmu l-logħob mal-avversarji u anki kien hemm mumenti fejn kienu superjuri. L-istess ġara fit-tieni taqsima hekk kif il-Beltin bdew tajjeb u kellhom ħafna mill-pussess tal-ballun. Il-problema evidenti ta’ Valletta li reġgħet dehret kontra Birkirkara hija s-saħħa fl-attakk fejn qed isibuha diffiċli biex jiskurjaw. Kien auto gowl sfortunat li witta t-triq għar-rebħa Karkariża. Għal dawn tal-aħħar jidher li l-barranin li ġabu dan l-istaġun qed ikunu determinant. Dall’Oca u Cabrera kellhom logħba tajba ħafna u Iorio minkejja li mhux konsistenti xorta waħda jidher li huwa player utli. Ħasra li spiċċa mkeċċi tard fil-partita. Għal Birkirkara issa ġej test aktar diffiċli fejn iridu jiffaċċjaw lit-tim revelazzjoni u fil-forma ta’ Gudja United. Mill-banda l-oħra Valletta jidhru li ser ikollhom staġun ieħor diffiċli hekk kif minn ħames logħbiet ġabru biss ħames punti bl-unika rebħa tasal kontra t-tim tal-qiegħ Pieta Hotspurs.

Gudja United komplew fejn ħallew qabel il-waqfa fejn huma jinsabu fit-tielet post tal-klassifika, żewġ punti biss taħt il-leaders Birkirkara u Ħamrun Spartans.  Din kienet ir-raba’ rebħa għal Gudja li bi Plut isib ix-xibka b’mod regolari jidher li dan it-tim ser ikompli jissorprendi. Wara li s-sena li għaddiet Gudja kisbu post storiku mal-ewwel sitta, minkejja li kien hemm il-bidla fil-kowċ, bid-dħul ta’ Andrea Agostinelli ftit kien hemm skossi biex dan it-tim minn raħal żgħir qed ikompli jiġbor il-punti u jikkonferma li huwa tim stabbilit fil-Kampjonat Premier. L-avversarji Santa Lucia ftit li xejn hemm xi tgħid fuqhom fejn jidher ċar, minkejja li għadu kmieni li d-destinazzjoni tagħhom hija prattikament magħrufa. S’issa f’ħames logħbiet ftit li xejn ispiraw.

Gżira United ftit sabu diffikulta sabiex għelbu lit-tim tal-qiegħ Pietà Hotspurs bl-iskor ta’ 4-0. Rebħa li ressqet lill-Maroons aktar viċin il-grupp ta’ timijiet li jinsabu fuq quddiem fil-klassifika. Il-logħba ftit li xejn kien fiha storja fejn l-intenzjonijiet kienu ċari mill-ewwel hekk kif Gżira sabu x-xibka wara biss żewġ minuti logħob mis-solitu Jefferson de Assis. Huma komplew jiddominaw il-partita biex fit-tieni taqsima meta bdiet ukoll tidher l-għejja fuq l-avversarji żiedu tlett gowls oħra. Il-Hotspurs baqgħu jsibuha diffiċli fejn wara ħames logħbiet huma l-anqas tim li skorja gowls, wieħed u l-aktar tim li sofra b’kollox tmintax jew medja ta’ kważi erba’ gowls kull partita.

Tasal ukoll l-ewwel rebħa għal M’Xlokk li għelbu lil Żebbuġ Rangers bl-iskor ta’ 3-0. Dan kien konfront bejn żewġ timijiet li għadhom kemm kisbu l-promozzjoni l-istaġun li għadda. Ix-Xlukkajri kienu l-aħjar tul id-disgħin minuta u żgur li kien ħaqqhom il-punti massimi minn din il-partita. Diżappuntanti Żebbuġ Rangers fejn wieħed stenna xi ħaġa aktar minn dan it-tim l-aktar wara wirjiet inkoraġġanti qabel il-waqfa internazzjonali. M’Xlokk wettqu numru ta’ bidliet fil-formazzjoni li biha beda l-kowċ Doffo fejn saħansitra ngħataw id-debutt l-aħħar tlett akkwisti, l-ex Floriana Keqi, Aguillar u l-gowlkeeper Drobnjak. Huma ħadu vantaġġ bikri fil-logħba fejn dan ħasad xi ftit lill-avversarji u biex jiġi kollox ħażin għal Żebbuġ sofrew it-tieni qabel tmiem l-ewwel taqsima fejn kien hemm li ngħalqet il-logħba.

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Mosta u Sirens ħadu punt kull wieħed mill-konfront ta’ bejniethom fejn dan kien l-aktar riżultat ġust. Punt li bih Mosta issa jinsabu fuq 7 daqs Floriana. Filwaqt li t-tim minn San Pawl il-Baħar għadhom ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun. Iż-żewġ naħat kellhom il-mumenti tagħhom fejn ir-rebħa setgħet marret kemm naħa kif ukoll oħra. Mosta kienu sfortunati li marru minn taħt wara penalty kmieni fil-partita iżda huma kienu kapaċi jwettqu reazzjoni u jiksbu d-draw fl-aħħar parti tal-ewwel ħamsa u erbgħin minuta. Tlett bidliet minn Sirens li kienu ġejjin minn telfa kontra l-leaders Ħamrun Spartans. Għal Mosta l-kowċ Joe Grech beda b’Patrick Mensah minflok Diarra.

INNUTAJNA LI

Hekk kif Ħamrun Spartans skurjaw it-tieni gowl tagħhom minn Mashike, iċ-ċelebrazzjonijiet minn dan il-player kienu partikolari. Huwa ntefa’ mal-art u beda joqmos fuq il-warrani. Ċelebrazzjonijiet oriġinali jagħtu kulur lil din il-logħba, l-importanti li ma’ jkunux eċċessivi.

Bqajna sorpriżi kif il-gowlkeeper ta’ Valletta Alessandro Guarnone tħalla jilgħab meta kellu ‘clash of colours’ ovvja fil-konfront tal-avversarji Birkirkara. Huwa kien liebes isfar u aħmar jew kuluri viċin ħafna dak li kienu lebsin l-avversarji tagħhom.

Qabel il-partita min-National Amateur League Grupp A bejn Senglea Athletic u Kalkara United, is-Sindki tal-lokalitajiet rispettivi Clive Pulis u Wayne Aquilina ppreżentaw bukkett fjuri lill-captains tal-avversarji. Ġest sabiħ u apprezzat. Prosit