Futbol Sport

UEFA Champions League: Inter jirbħu lil Barcelona f’San Siro

Inter kisbu rebħa ta’ 1-0 fuq Barcelona biex żammew it-tamiet tagħhom li jagħmluha barra mill-grupp tal-mewt fil-fażi tal-grupp tal-UEFA Champions League. Il-gowl deċiżiv tal-partita wasal fil-ħin mogħti żejjed lejn tmiem l-ewwel taqsima meta Di Marco għadda lejn Hakan Calhanoglu li b’xutt fil-baxxa minn taf il-kaxxa xeħet wara Ter Stegen għal 1-0. Pedri ħaseb li ġab id-draw għal Barcelona fit-68 minuta iżda l-gowl ma ġiex ikkonvalidat mill-VAR minħabba handsball.

F’Anfield Liverpool pattew xi ftit għad-diżappunt li kellhom fil-Premier League b’rebħa ta’ 2-0 fuq Rangers. Liverpool li fetħu l-iskor fis-7 minuta permezz ta’ freekick dirett tal-Ingliż Trent Alexander Arnold. Intant, Liverpool rduppjaw fit-53 minuta meta mill-11-il metru Mohammed Salah ma żbaljax għal skor finali ta’ 2-0.

Fl-Allianz Arena rebħa konvinċenti għal Bayern Munich li ddominaw għal kollox lil Victoria Plzen u għelbuhom bl-iskor ta’ 5-0. Huma fetħu l-iskor fis-7 minuta permezz ta’ Leroy Sane, qabel ħames minuti wara kien l-eks Arsenal Serge Gnabry li għamilhom tnejn. Bayern għamluhom tlieta fil-21 minuta b’gowl ta’ Sadio Mane, b’Jamal Musiala ikollu l-gowl tiegħu fis-36 minuta mħassar mill-VAR. Fit-tieni taqsima Leroy Sane skorja r-raba’ gowl qabel is-sostitut Erik Choupo-Moting għamilhom ħamsa.

Riżultati

B.Munich 5-0 V.Plzen
Marseille 4-1 Sporting
Liverpool 2-0 Rangers
Inter 1-0 Barcelona
E.Frankfurt 0-0 Tottenham
Ajax 1-6 Napoli
C.Brugge 0-2 A.Madrid
Porto 2-0 Leverkusen

L-Erbgħa:

6:45pm – RB Salzburg v D.Zagreb
6:45pm – RB Leipzig v Celtic
6:45pm – Chelsea v Milan
9pm – Juventus v M.Haifa
9pm – R.Madrid v S.Donetsk
9pm – Sevilla v B.Dortmund
9pm – Benfica v PSG
9pm – Man City v Copehnagen