Internazzjonali

Wara l-mewt tal-mara fl-Iran: Protesta bla preċedent mit-tfajliet tal-iskola..

Tfajliet tal-iskola madwar il-pajjiż issieħbu fil-protesti attwali kontra l-Gvern Iranjan – bil-preżenza tagħhom tkun anki l-ewwel waħda waqt dimostrazzjoni fl-Iran mindu l-pajjiż inbidel fi Stat Iżlamiku fundamentalista wara r-Rivoluzzjoni storika tas-snin sebgħin.

Il-protesti fl-Iran qed jirrankaw mindu mara Kurda ta’ 22 sena – Mahsa Amini – spiċċat f’koma wara li kienet arrestata mill-Pulizija għall-Ħarsien tal-Moralità fit-13 ta’ Settembru. L-arrest kien seħħ f’Tehran, bil-pulizija jaħtfu lill-mara meta raw li hi ma kenitx liebsa x-xalla tar-ras skont il-liġi Iżlamika – b’Amini tispiċċa dikjarata mejta l-isptar, ftit tal-ħin wara.

Issa, qed jiċċirkulaw il-filmati ta’ bniet tal-iskola adolexxenti huma u jxejjru x-xalel tar-ras waqt id-dimostrazzjonijiet fil-btieħi tal-iskola u fit-toroq tal-ibliet. Huma nstemgħu jgħajjtu slogans kontra l-establishment Iżlamiku – waqt li t-tfajliet li qed jattendu skola fil-belt ta’ Karaj sfurzaw lid-direttur tal-edukazzjoni ‘il barra mill-kumpless fost l-għajjat u l-insulti.

Dan wara li fil-belt ta’ Shiraz, għexieren ta’ tfajliet tal-iskola għalqu t-traffiku fi triq prinċipali fost it-tixjir tax-xalel u għajjat ‘biex jingħata l-mewt’ lill-Ayatollah Ali Khamenei, li hu l-Mexxej Suprem tal-Iran.

L-Ayatollah għandu l-kelma finali dwar l-affarijiet kollha li jikkonċernaw lill-Istat u fl-aħħar jiem hu kien akkuża lill-Istati Unti u Iżrael bħala ‘l-imħuħ u protagonisti wara l-irvellijiet li għaddejjin fl-Iran bħalissa’. Khamenei anki qed jagħti appoġġ sħiħ lill-qawwiet tas-sigurtà Iranjani li qegħdin iwieġbu bi vjolenza għad-dimostrazzjonijiet attwali.